Il-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li saret it-Tnejn filgħaxija kienet mimlija ġlied u għajjat bejn il-fazzjoni tal-Kap Adrian Delia u l-fazzjoni tal-eks kap nazzjonalista Simon Busuttil.
One News jista’ jiżvela d-dettalji esklussivi li waslu għandna minn persuni li kienu fil-laqgħa tal-eżekuttiv.
Sorsi fil-laqgħa tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista qalu ma’ One News li għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħaxija beda jindirizza l-eżekuttiv Pierre Portelli, li sa dak il-ħin kien għadu kap tal-midja Nazzjonalista.
Fid-diskors tiegħu Pierre Portelli beda jikkwota lil Daphne Caruana Galizia u dan qajjem rabja kbira fost l-esponenti ta’ Simon Busuttil.
L-esponenti mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, fosthom David Casa, Jason Azzopardi, Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami u Simon Busuttil bdew jgħidu lil Pierre Portelli sabiex jieqaf isemmi lil Daphne Caruana Galizia.
Huma bdew jgħajtu kemm jifilħu biex jieqaf isemmi lil Daphne għax ma tistax tiddefendi lilha nnifsiha. Bdew jgħajtu ukoll li mhux kredibbli li Portelli jsemmi isem Daphne Caruana Galizia wara li Adrian Delia kien sejjaħ lil Daphne Caruana Galizia Biċċa Blogger.
L-esponenti ta’ Simon Busuttil bdew jgħajtu ma Pierre Portelli u bdew jgħidilu “kif ma tistħiex”.
Huma talbu lil Delia sabiex iwaqqaf lil Pierre Portelli milli jitkellem dwar Daphne Caruana Galizia. Iżda Delia naqas milli jagħmel dan.
Pierre Portelli kompla jitkellem fuq Caruana Galizia u l-esponenti mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, fosthom Busuttil, innifsu, David Casa, Jason Azzopardi, Karol Aquilina, u Beppe Fenech Adami reġgħu bdew jgħajtu “Missu jistħi” b’referenza għal Portelli. Bl-għajjat mil-laqgħa tal-eżekuttiv beda jinstema’ minn barra.
Kien f’dan il-mument li David Casa, b’rabja qam u telaq ’il barra mil-laqgħa tal-Eżekuttiv. Warajh telqu l-esponenti ta’ Simon Busttil u segwew l-membri l-oħra tal-eżekuttiv.
One News jista’ jiżvela wkoll li wara li spiċċat il-laqgħa tal-eżekuttiv, il-viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo qal lil Alex Perici Calascione li “This is the end”.