L-ex Kap tal-Midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli akkuża lil deputati mill-fazzjoni tal-ex kap nazzjonalsita Simon Busuttil li akkost ta’ kollox ma jridux li l-partit Nazzjonalista jimxi ’l quddiem u fl-aħħar sentejn ħlew l-enerġija tagħhom jagħtu l-gambetti u d-daqqiet ta’ sikkina.
Portelli qal dan f’intervista li ta lil ONE NEWS għall-ħabta tas-siegħa ta’ dalgħodu wara li ħareġ mill-bini ta’ NET television.
“Il-PN jinsab f’sitwazzjoni fejn hawn grupp ta’ nies li ma jriduhx jimxi ‘l quddiem. U wasal iż-żmien li dawn in-nies jgħidu jien ma nistax nibqa sejjer hekk.”
“Ikollok grupp ta’ nies li akkost ta’ kollox irid jagħtuk il-gambetti u d-daqqiet ta’ sikkina”
Qal li l-grupp parlamentari huwa maqsum fi tliet fazzjonijiet. Bl-iktar waħda li tagħmel ħsara tkun il-fazzjoni tal-eks kap Simon Busuttil.
“Il-grupp parlamentari naqsmu fit-tlieta. Għandek dawk li jappoġġjaw lill-kap, dawk li assolutament li ma jappoġġjawx lill-kap u dawk li jpoġġu lilhom nfushom fin-nofs”
Qal li d-deputati fil-fazzjoni ta’ Busuttil ma ħaqqhom ikunu fl-ebda partit politiku.
Huwa kien mistoqsi “David Casa, Karol Aquilna ħarġu irrabjat mill-laqgħa?” Portelli wieġeb “ija mhux hekk … ma jistax ikun li ssemmilhom xi ħaġa u jitilfu r-raġuni.”
“Ma jistax ikun li l-PN jinħakem minn grupp ta’ nies li kif isemmilhom xi ħaġa jitilfu r-raġuni. Hekk rajt illejla.”
“Wara l-laqgħa tal-lejla fejn rajt nies u smajt u rajt moviment ta’ nies li fl-opinjoni tiegħi ma jixraqilhomx ikunu fl-ebda partit.”
“Huwa akkużahom li fil-laqgħat interni tal-partit jillikjaw dak li jkun qed jiġi diskuss.”
“Ma nistax jien nibqa hawnhekk meta ħdejja fl-eżekuttiv qiegħed jibgħat u jittextja ta x’qegħdin ngħidu fl-ezekuttiv. Kif jista jkun?”
Qal li dawn jaġixxu bħat-tfal. Filwaqt li akkuża l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil b’kattiverja u qal li huma msieken.
“Jibqghu jaħsbu li t-triq tagħhom hija l-aħjar u b’ċerta kativerja ngħid jien”
“Dawn in-nies ma jistgħux jirrealizaw li ma jistgħux jaġixxu bħat-tfal, jisparaw u jieħdu l-limelight”
“Ma naqbilx maghom imma msieken insejħilhom. Dan kulħadd jgħidilhom ħalluh jaħdem lill-kap”
Pierre Portelli għamel dawn l-akkużi għax lill-esponenti tal-fazzjoni ta’ Busuttil jafhom sew.
“Dawn in-nies li akkost ta’ kollox ma jridux lil Adrian Delia , jien ħdimt magħhom fil-PN għal snin twal”
Pierre Portelli ddefenda lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u minkejja li wassal lill-Partit Nazzjonalista għall-ikbar żewġ telfiet elettorali, jemmen li Delia m’għandux jirrizenja.
“Il-Kap kif tkellem fl-eżekuttiv se jibqa’ għandu mandat mit-tesserati”
“Vot ta’ fiduċja għandu jitolbu Dr Delia? Għandu l-fiduċja tat-tesserati ma kienx hemm talbiet ta’ vot illum”
Portelli qal li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil riedet ras xi ħadd, u tahom rasu.
“Riedu li xi ħadd joffri rasu, issa suppost għandhom persuna inqas li ddejjaqhom. Nispera li issa jaħdmu mal-kap.”
“Jekk iridu jiddikjaraw ir-riżenja tiegħi bħal rebħa, jieħdu pjaċir jgħidu li hija rebħa.”
L-id il-leminja ta’ Delia qal li l-fazzjoni tal-eks kap iridu issa jaħdmu ma’ Delia jew inkella jirriżenjaw.
“X’ħa jagħmlu dawn in-nies jekk wara ghad a adrian delia jibqa hemmhekk ? Jien ma nafx xi jridu jaghmlu. Jista jaghmlu kif għamilt jien. Jistghu jirrizenjaw ? Jekk iridu”
Portelli ma jistax jifhem kif il-fazzjoni ta’ Busuttil, tgħid li ma tridx lil Delia kap iżda imbagħad ma tgħidx lil min trid Kap.
“Ir-realta’ tibqa ma jistax jibqghu ma jimpurtahomx mis-sitwazzjoni tal-PN. Iridu li jkun hemm vacancy għal leader meta lanqas huma ma jafu lil min iridu. Mela l-PN jaffordja sitt xhur ohra, kif mind you dawn in-nies daħħluna f’din is-sitwazzjoni”
Innota li kull t-tentattiv li sar biex il-Partit Nazzjonalista jingħaqad, falla.
“Ma riedx nemmen dak li ġara fil-kampanja tal-leader u sena wara. Pruvajna nagħtu l-id tal-ħbiberija imma jigdmuhielek”
Pierre Portelli fakkar lill-fazzjoni ta’ Busuttil li fid-Dar Ċentrali daħlu lil Marlene u lil Godfrey Farrugia, iżda dawn ma jridux jaċċetta lil Delia li ġie elett b’mod demokratiku mit-tesserati tal-partit.
“Aħna hawn daħħalna lil Godfrey u Marlene ta u ma riedux naċċettaw lil kap. Imma dan mhux ġenn!”