‘Lejn MFA b’viżjoni ċara għal 8 snin sodi’ – Bjorn Vassallo – One News

Notifiki

‘Lejn MFA b’viżjoni ċara għal 8 snin sodi’ – Bjorn Vassallo

F’konferenza stampa li saret dalgħodu fil-Matthew Micallef St. John Athletic Stadium fil-Marsa, id-direttur tal-FIFA Bjorn Vassallo nieda l-kampanja tiegħu għal elezzjoni ta’ president tal-MFA li ser isir fl-20 ta’ Lulju.  ‘Forward Together’ hu l-isem tal-kampanja lejn din l-elezzjoni fejn Vassallo ta’ idea ċara ta’ fejn jixtieq jwassal il-futbol Malti kemm-il darba jiġi elett.

Vassallo beda billi qal li għandu 25 sena esperjenza mibnija fuq livell lokali kif ukoll fl-isfera internazzjonali mal-FIFA li flimkien jiġbru bagalja ta’ esperjenzi, speċjalizazzjoni fl-amministrazzjoni tal-futbol u kuntatti kbar.

L-ex Segretarju Ġenerali tal-MFA qal li l-programm ta’ 8 snin tiegħu huwa bbazzat fuq Viżjoni 2027, strateġija mmirata fuq 11-il pillastru  fosthom r-riżultati tal-klubs u tat-timijiet nazzjonali, livell ta’ governanza aħjar u xogħol ta’ business development biex jissaħħu l-mezzi finanzjarji tal-Assocjazzjoni biex l-MFA tkun f’pożizzjoni li tkattar aktar ġid lejn il-logħba Maltija.

Huwa sehma diversi best practices l-intużaw barra minn Malta u li ħallew suċċess u għalhekk jixtieq li jintużaw f’pajjiżna biex il-futbol verament jagħmel il-qabża fil-kwalita.

Fost il-proġetti infrastrutturali li qed jipproponi Bjorn Vassallo insibu bidla radikali fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali fejn tispiċċa t-trakka ta’ madwar il-grawnd u l-istadium tagħna jiġi jixbaħ l-istadiums Ingliżi.  Wara l-lasti ssir Futsal Arena filwaqt li fuq in-naħa l-oħra isir ċentru ta’ kummerċ. Apparti min hekk, Vassallo qed jwiegħed ċentru tekniku ġdid f’Ta’ Qali, stadium fin-naħa t’isfel ta’ Malta u żvillup sostanzjali fl-istadium ta’ Sannat f’Għawdex.

‘Inħobb l-Futbol’ ser ikun il-qafas fil-livell taż-żagħżagħ. Fondazzjoni ġdida li toffri xogħol u programmi fuq tlett livelli speċjalment fil-parteċipazzjoni u l-aċċess lejn il-logħba bl-inkluzjoni tal-iskejjel, bit-tibdil li qed jipproponi fil-livell ta’ youth development  fejn in-nurseries ser ikunu qed jissaħħu b’għajnuna teknika u finanzjarja u kif ukoll garanzija ta’ livell ta’ coach education aħjar.  Vassallo irid li jinbidlu l-kriterji tal-liċenzjar, tidħol is-sistema tar-reġjuni u jkunu riformati l-kampjonati tat-tfal u l-youths. Vassallo qal li kapaċi jwassal lil Malta terġa’ torganizza Kampjonat Ewropew tal-UEFA jew saħansitra Tazza tad-Dinja tal-FIFA fil-livell taż-żgħażagħ.

Apparti s-settur taż-żgħażagħ, Vassallo spjega dak kollu li jixtieq li jagħmel fil-futsal u l-beach soccer hekk kif l-għan prinċipali ser ikun li bħala assoċjazzjoni jattiraw investiment privat.  Żied jgħid li irid isir pjan strateġiku għar-referees liema pjan irid jiġi finalizzat sat-tmiem din is-sena.  Sostna li l-iskambji fis-settur tar-referees iridu jiżdiedu filwaqt li jissaħħu l-appuntamenti internazzjonali tar-referees Maltin għaliex jemmen fil-potenzjal tal-uffiċjali Maltin.

Bjorn Vassallo tkellem dwar l-idea li tim Malti jilgħab f’Kampjonat barrani bħal-Lego Pro fl-Italja sabiex il-plejers Maltin jidħlu f’sistema professjoni u jitħarrġu u jilgħabu futbol ta’ livell aħjar minn tagħna ta’ kull ġimgħa.  Huwa sostna li diġà kellu laqgħat mal-FIGC u din l-idea tista’ ssir realtà.  Vassallo qal li irid ikun hemm mekkaniżmu li jagħmel sens għal l-MFA u għal klubs biex il-kowċ nazzjonali, jkun min ikun, ikollu għażla wiegħsa ta’ plejers minn fejn jagħżel. Dan kollu se jwassal għal plejers aktar ippreparati mentalment, fiżikament u teknikament. Dan il-proġett huwa b’saħħtu biżżejjed biex nilħqu dak li għadna ma lħaqna qatt u li ħaddiehor diġa’ħadem fuqu, sostna Bjorn Vassallo.

Mistoqsi minn One Sport dwar jekk jibqax jokkupa l-irwol tiegħu f’ħdan l-FIFA jekk jiġi elett president tal-MFA, Vassallo għamila ċara li ser ikun qed jirriżenja.

Meta mistoqsi jekk hemmx x’irwol li l-president attwali Norman Darmanin Demajo ser ikun qed jokkupa jekk jiġi elett hu bħala president, Vassallo qal li ż-żmien ta’ Darmanin Demajo fl-amministrazzjoni tal-futbol lokali ser ikun qed jispiċċa f’Lulju li ġej.

Bjorn Vassallo tkellem ukoll dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-kandidat l-ieħor għal elezzjoni ta’ president Chris Bonnet, fejn sostna li bejniethom teżisti ħbiberija.  Mistoqsi jekk jistawx jerġaw jaħdmu flimkien fil-futur, Vassallo qal li għadu kmieni wisq meta t-tnejn ħrigna bil-kampanja.

Fit-tmiem il-konferenza stampa Bjorn Vassallo qal l-ħidma tiegħu ser tkompli fil-ġimgħat li ġejjin b’laqgħat mal-klabs u l-assoċjazzjonijiet membri kollha tal-futbol Malti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend