Bit-tema Mapping Tomorrow, il-Gvern nieda pjan strateġiku għat-tliet snin li ġejjin biex jinbidlu s-sistemi diġitali li joperaw biha l-entitatjiet pubbliċi.
It-tnedija saret fil-librerija nazzjonali fil-Belt Valletta fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat u s-segretarju permanenti ewlieni, Mario Cutajar.
Il-Prim Ministru qal li din l-istrateġija msjeta fuq erba’ pjani se jsir b’investiment ta’ erbgħin miljun ewro u ssejset fuq mija u sebgħin miżura b’miri speċifiċi, bil-qofol tiegħu ikun il-‘once only principle’.
Prinċipju li l-qofol tat-twettiq tiegħu hu li l-pubbliku jagħti darba biss l-informazzjoni tiegħu lill-Gvern u mhux kull darba li jkollu bżonn xi servizz minn awtorità jew entità governattiva.
Dan ifisser li dak li kienu jilmentaw dwaru fost l-oħrajn in-negozjanti, jiġifieri li l-istess informazzjoni tintalab minn kpiepel differenti, se ssir xi ħaġa tal-imgħoddi.
B’mod konkret, il-Prim Ministru qal li fis-servizz pubbliku se ssir ħidma li tinkludi t-teknoloġija magħrufa bħala d-Distributed Ledger Technology u l-Blockchain li se titħaddem fir-riforma tal-kirjiet f’pajjiżna.
“Filwaqt li għall-bidu se tiswa’ aktar flus imma jagħmel aktar sens ħa nmorru għal sitwazzjoni ta’ DLT li ħa tkun irreġistrata fuq blockchain fejn ħa nkunu qegħdin naraw li l-kuntratti għall-kirjiet ħa jkunu qed jiġu rreġistrati b’dan il-mod u allura aktar siguri u ma tistax tbagħbas magħhom u n-nies ħa jkollhom turija ċara u tonda ta’ kif din it-teknoloġija tista’ taffettwa l-ħajja ta’ kuljum”
Dr Muscat żied jgħid li l-intelliġenza artifiċjali se tintuħa f’oqsma oħra bħalma huwa l-qasam turistiku u anke f’siti storiċi partikolarment dwar iż-żieda fis-sorveljanza u s-sigurtà.
Min-naħa tiegħu, is-segretarju peramenti ewlieni Mario Cutajar qal li t-tema tal-pjan Mapping tomorrow ingħażlet għax dak li rridu jkollna fil-ġejjini, irridu nħejju għalih mil-lum. Sostna li l-investiment fit-teknoloġija fis-servizz pubbliku jrid isir b’tali mod li ma jintesewx dawk in-nies li mhumiex daqstant midħla tal-avvanzi teknoloġiċi.
“Diġà wrejna li dak li nwiegħdu nwettquh u dak li se nkunu qed nagħmlu b’dan il-pjan u d-diskussjoni li se ssir bħalissa għat-tliet snin ta’ wara kollox ma’ kollox se nkunu qed nibbażaw fuq it-teknologija dejjem mingħajr ma nħallu barra lil dawk li b’xi mod jew ieħor iħossuhom strambi li jikkomunikaw permezz tal-intelliġenza artificjali kif qed ngħiduha llum”, qal is-Sur Cutajar.
Tenna li għaldaqstant, iċ-ċittadin jrid jinżamm fiċ-ċentru ta’ dan il-pjan u sostna li jrid ikun assigurat li l-użu tad-data taċ-ċittadin tkun trasparenti, kontabbli u mħaddma etikament.