Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jinsab quddiem l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista sabiex jiddiskuti s-sitwazzjoni politika li jinsab fiha l-partit nazzjonalista.
Dan qabel it-tlieta filgħaxija jerġa’ jiffaċċja lid-deputati nazzjonalista, f’laqgħa oħra tal-grupp parlamentari li matulha jiskadi l-ultimatum li taw id-deputati Nazzjonalisti biex jgħid kif se jwarrab mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista wara ż-żewġ telfiet elettorali kbar li ġarrab fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista li tkellmu ma’ The Times of Malta qalu li Adrian Delia se juża l-laqgħa tal-Eżekuttiv tat-Tnejn filgħaxija biex jipprova jikseb appoġġ mill-eżekuttiv u jzomm postu fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.
Ingħad li Adrian Delia mistenni jilgħab din il-karta ladarba fuq l-aġenda tal-eżekuttiv hemm id-dibattitu dwar is-sitwazzjoni politika.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista qali lil The Times li fiċ-ċirkostanzi, jista’ jagħti l-każ li Delia jipprova jikseb l-appoġġ mill-kumitat eżekuttiv biex ikun f’qagħda b’saħħitha meta jmur quddiem il-grupp parlamentari.
“Il-laqgħa ser isir f’mument kruċjali għall-ġejjieni ta’ Delia”, qal wieħed mis-sorsi fil-Partit Nazzjonalista.
Adrian Delia għandu l-maġġoranza tad-deputati Nazzjonalisti kontrih.
Dawk kritiċi tiegħu li marru jitkellmu minn warajh ma’ The Times, qalu li l-ebda manuvra m’hi se tgħinu biex jikseb il-fiduċja tal-grupp parlamentari.
It-Times innotat ukoll li fil-jum tal-Ħadd, Adrian Delia m’għamel l-ebda intervent politiku fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista.
Dan wara li l-Ħadd komplew joħorġu aktar allegazzjonijiet ġodda fil-konfront tiegħu.
Adrian Delia qed jaffaċċja akkużi mill-eks sieħeb tiegħu fin-negozju Kris Bajada li akkużah li tefa’ dell fuqu u fuq l-eks mara tiegħu meta ddikjara li l-firma fuq riżoluzzjoni dwar kumpanija li kienu sħab fiha kienet iffalsifikata.
Bajada qal li Delia għamel dan waqt li hu kien qiegħed jissielet għal ħajtu fl-isptar bit-tama li huwa jmut u dak li jaf jindifen miegħu.
Sostna wkoll li b’dan il-pass Delia pprova jħammeġ lill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, peress li dan jiġi ħu l-eks mara tiegħu.