Fl-aħħar analiżi tal-ekonomija Maltija, il-Bank Ċentrali ta’ Malta qal li f’April l-indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju baqa’ l-istess meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, u kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill-medja.
Qal li s-sentiment ekonomiku tela’ bi ftit, hekk kif żieda fis-sentiment fl-industrija u fost il-konsumaturi għelbet tnaqqis fis-sentiment fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut, tal-kostruzzjoni u tas-servizzi.
Qal li f’April, l-għadd ta’ turisti li ġew f’Malta tela’ moderatament fuq l-istess xahar tas-sena li għaddiet.
Madankollu, innota li l-infiq żdied b’mod qawwi fuq sena qabel wara li żdied marġinalment f’Marzu.
Il-bejgħ lill-konsumaturi żdied ukoll b’ritmu aktar mgħaġġel. B’kuntrast għal dan, il-produzzjoni industrijali naqset fuq sena qabel, għalkemm ir-rata ta’ tnaqqis kienet iktar dgħajfa minn dik f’Marzu.
B’rata ta’ tlieta punt ħamsa fil-mija, il-Bank Ċentrlai qal li l-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol baqgħu favorevoli, hekk kif in-numru ta’ nies qiegħda rreġistrati baqa’ baxx minn perspettiva storika.
F’April, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut li huwa l-kejl aktar relevanti tal-inflazzjoni fil-prezzijiet għall-konsum domestiku, kienet stabbli fil-livell ta’ 1.9%.
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta nnotaw wkoll li d-depożiti tar-residenti mal-banek f’Malta żdiedu b’6.1% matul it-tnax-il xahar sa April, filwaqt li l-kreditu lil residenti f’Malta żdied b’5.8%.
Dwar il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna, l-ekonomisti tal-Bank Ċentrali qalu li f’April kien hemm tnaqqis fid-defiċit fuq il-Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali meta mqabbel ma’ sena qabel.