L-ewro parlamentari Nazzjonalista David Casa ħareġ jiġri ‘l barra mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Casa kien qiegħed jattendi għal-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li matulha bdiet tiġi diskussa sitwazzjoni gravi li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista wara li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil tat ultimatum lil Delia biex jirriżenja minn kap tal-partit.
B’rabja kbira fuq wiċċu, David Casa li fl-aħħar ġimgħat allega li l-Partit Nazzjonalista ħadem kontrih biex ma jiġix elett fil-Parlament Ewropew, deher jitlaq jiġri ‘l barra mid-Dar Ċentrali ftit wara li nstema’ storbju kbir jidwi mad-Dar Ċentrali. Membri tal-Eżekuttiv nstemgħu jgħajtu “imisskom tistħu”.
Għaxar minuti wara bdew ħerġin membri oħra tal-Eżekuttiv b’għadd ta’ partitarji Nazzjonalisti li nġemgħu quddiem id-Dar Ċentrali jgħajtu kemm jifilħu għajjat favur il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.