ARA: Ta' Busuttil bi pressjoni kbira fuq Delia biex jitlaq | One News

Notifiki

ARA: Ta’ Busuttil bi pressjoni kbira fuq Delia biex jitlaq

Il-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qed jistenna deċiżjoni mingħand Adrian Delia dwar il-futur tiegħu nhar it-Tlieta li ġej wara li tawh ftit jiem biex jirrifletti, jikkonsulta u jiddeċiedi.

Il-gazzetta The Sunday Times of Malta irraportat li wara żewġ laqgħat tal-grupp parlamentari matul l-aħħar ġimgħa Adrian Delia kellu jaffaċja r-realta li kważi l-grupp parlamentari kollu jriduh iwarrab mit-tmexxija tal-partit u jkun bniedem ieħor li jibnih mill-ġdid.

It-times irraportat ukoll li Delia kellu jaffaċja l-fatt li anka persuni mill-fazzjoni tiegħu abbandunawh. Kompliet tgħid li nhar it-Tlieta mistennija laqgħa oħra tal-grupp parlamentari fejn Delia huwa mistenni jagħti r-risposta tiegġu.

Membri parlamentari li tkellmu mal-gazzetta sostnew li minkejja l-isforzi tiegħu, b’Delia fit-tmun il-partit se jibqa’ ankrat fl-Oppożizzjoni u li ċ-ċirku ta’ madwar Delia mhux qed iħalluh imexxi.

Deputat ieħor li tkellem qal li l-partitarji nazzjonalisti ma jemmnux fil-mod ġdid li kien wiegħed Adrian Delia tant li baqgħu id-dar fl-aħħar elezzjonijiet.

Sorsi tat-times fil-grupp parlamentari qalu li kienu biss Edwin Vassallo u Carm Mifsud Bonnici li baqgħu iżommu sod wara Delia fl-aħħar laqgħat.

B’Vassallo jsostni li jekk Delia jitlaq, jiġu aljenati l-partitarji tiegħu u b’hekk is-sitwazzjoni tkompli tiddeterjora.

Iżda ħafna deputati oħra qalu li b’Delia, il-partit ikun qed itellaq b’żiemel mejjet.

Ikun aħjar li jinbidel iż-żiemel li jkun jista’ jaħdem ma dawk li lesti li jxammru l-kmiem. Delia wkoll jista jkun parti minn dan it-tim, iżda żgur mhux bħala l-mexxej, sostnew id-deputati.

Il-kap Nazzjonalista qed jitlef l-appoġġ ta’ ħafna partitarji u diversi strutturi, fosthom l-MŻPN u kumitati sezzjonali fosthom dawk ta’ Raħal Ġdid, il-Mosta u l-Mellieħa li fl-aħħar jiem talbu lil Adrian Delia u t-tmexxija jerfgħu ir-responsabilita politika.

Iżda t-times qalet li s-swaba qed jiġu ppuntati wkoll lejn is-segretarju ġenerali Clyde Puli u l-kap tal-midja Nazzjonalista Pierre Portelli.

Deputat viċin Delia sostna mat-times li l-ikbar żball li għamel Delia kien li dawwar lilu nnifsu b’nies li jemmnu f’mentalità ta’ gwerra u fi tmexxija ta’ ifred u saltan. Dawn in-nies kienu iktar moħħhom fl-interessi personali tagħhom milli fl-interessi tal-partit. Minkejja li kien imwissi diversi drabi, Delia injora dan il-parir u issa ir-riżultati qed jixhdu dan.

Mistoqsija mit-times jekk hemmx min hu lest li jassumi t-tmexxija tal-partit, anka fid-dawl li din il-kariga qed tibda’ titqies bħala kalċi, diversi deputati sostnew li hemm min hu lest li jagħel is-sagrifiċċju iżda biex dan isir, Delia għandu jwarrab u jagħti ċ-ċans biex il-partit jibda mill-ġdid.

U jekk Delia jibqa’, id-deputati sostnew li l-partit se jkompli jsofri.

“Il-ballun jinsab f’saqajn Delia. Aħna se nieħdu d-deċiżjonijiet skont x’jagħmel hu. Ħadd m’hu ikbar mill-partit,” fissru d-deputati.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend