Hekk kif l-istaġun tas-sajf jinsab wara l-bieb, u s-sħana diġà qed tagħmel tagħha, dawk li se jagħżlu l-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa għall-għawma tagħhom, se jkollhom spazju ikbar u aktar nadif b’faċilitajiet moderni fejn igawdu l-ħin liberu tagħhom.
Dan hekk kif b’investiment ta’ €70,000, tlesta xogħol ta’ riġenerazzjoni f’din il-bajja fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Fl-aħħar ġimgħat, din il-bajja żdidilha l-ispazju permezz ta’ ramel li ttella’ mill-baħar.
Ġew installati wkoll showers u changing rooms, filwaqt li tranġa l-ħadid u d-dawl li jdawwar il-bajja. Saru wkoll rampi biex il-bajja tkun aċċessibbli għal kulħadd.
Il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li llum din il-bajja tista’ titgawda min kulħadd.
“Dan huwa bajja importanti oħra għaliex hawn sa ftit tal-ġranet ilu ma kienx hawn l-ebda ramel. Imma l-maġġoranza tax-xogħol li sar kien l-istudji biex l-Environmental Agency (ERA) tkun sodisfatta li l-method statement li se jintuża biex intellgħu r-ramel se jkun wieħed li jgħin lill-ambjent. Filfatt ir-ramel kollu li qed tara warajha hawnhekk huwa ramel imtellgħa mill-bajja stess.”
Il-Ministru ħabbar li wara x-xogħol f’din il-bajja u f’dawk tal-Għar l-Aħmar u tal-Balluta, se tiġi riġenerata wkoll il-Bajja tal-Fajtata, f’Wied il-Għajn; biex l-investiment totali f’dawn il-bajjiet jlaħħaq l-erba’ mitt elf ewro.
Il-Ministru nnota wkoll kif l-investiment fil-bajja ta’ Birżebbuġa huwa parti minn proġett sħiħ ta’ riġenerazzjoni f’din il-lokalità.
“Il-masġar li ħabbarna fil-kampanja elettorali, kbir ħafna bejn Birżebbuġa u Ħal Far u apparti dan kollu se nkunu qegħdin nagħmlu l-promenade. Issa ovjament dan il-promenade, dan il-proġett li għandna d-disġinn tiegħu lest u li se niddiskutu mal-kunsill il-ġdid ukoll.”
Intant, waqt li l-bajja riġenerata ta’ Birżebbuġa bdiet titgawda mill-pubbliku, ma setax jonqos is-sodisfazzjon ta’ dawk li għamlu użu minnha.
“Ġiet sabiħa ħafna għax hawnhekk qabel kien ħafna nies f’xulxin, issa għandhom il-wisgħa fejn joqogħdu, għoġbitni ħafna.
“Ifhem qabel kienet iżgħar u llum ġiet kbira, jiġifieri qiegħda sew, hawn ix-showers, kellu bżonn kulħadd iħalliha hekk.”
“Issa ħafna ħafna aħjar milli kienet, qabel kienet żgħira u qas konna nsibu fejn noqogħdu u issa stupenda.”