BIL-FILMAT: Erba’ rġiel isiru missirijiet f’Jum il-Missier – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Erba’ rġiel isiru missirijiet f’Jum il-Missier

Jum il-Missier. Jum li għal kull individwu għandu sinfikat partikolari. Uħud jiftakru f’missierhom li m’għadux magħhom, oħrajn jiċċelebrawh ma’ wliedhom, u għal xi wħud tfisser esperjenza ġdida.

ONE News żar is-sala tal-maternità fl-isptar Mater Dei, fejn sa tard waranofsinhar kienu twieldu tliet subien.

Tkellimna ma’ Antonio u Claudia – koppja li saru ġenituri għall-ewwel darba, hekk kif proprju f’Jum il-Missier, wasal f’din id-dinja ċ-ċkejken Aiken.

Fissru dan il-jum aktar speċjali għalihom għax  it-tnejn li huma tilfu lil missierhom.

“Ħafna hux. Bħalissa l-ewwel ġurnata tiegħi bħala missier u hija ġurnata speċjali mmens. Aħna t-tnejn li aħna tlifna lil missierna u għalina jfisser aktar.”

Gordon u Delisia, koppja oħra li saru ġenituri għall-ewwel darba f’dan it-tmiem il-ġimgħa, stqarrew li Jum il-Missier ta’ din is-sena huwa iżjed speċjali, u l-missier qal li matul ħajtu jixtieq li kemm jista’, lil ibnu Liam, ibegħdu mill-ħażen tad-dinja.

“Dan il-jum ifisser ħafna għalija, li ssir missier għall-ewwel darba. l-isbaħ riġal li jista’ jkolli, li jista’ jagħtini l-mulej żgur u l-isbaħ rigal li tatni l-mara…. nixtieqlu saħħa, hena, tgħallim tajjeb nipprova nkun missier eżemplari kif kien missieri u nipprova nbegħdu mill-ħażin li hawn f’din id-dinja.”

U hekk kif dawn l-ulied bdew iduqu l-frott tal-imħabba li jafu jagħtu l-missirijiet, oħrajn ma jistgħux jagħmlu l-istess, u fakkru l-memorja ta’ missirijithom permezz ta’ żjara fiċ-ċimiterju.

“titlef lil missierek hu hija xi ħaġa, tradizjonalment il-missier hu l-kap tal-familja, u ma jintesa’ qatt, ħadd ma jinsieh lill-missier ….

huma dak il-bniedem li dejjem tani l-eżempji tajba fuqiex irrid nimxi u li dejjem urini t-triq kif għandi naffaċja ruħi mal-ħajja. la m’għadux magħna llum, ġejt biex nagħti r-rispett tiegħi ta’ dak kollu li għamel miegħi speċjalment.”

F’jum il-missier, kif hi t-tradizzjoni, il-Presidenza organizzat quddiesa b’radd il-ħajr għall-missirijiet fil-Palazz ta’ San Anton.

Il-President ta’ Malta George Vella, li huwa missier ta’ tliet ulied u nannu ta’ sebgħa, tkellem magħna dwar xi jfisser l-irwol tal-missier fil-familja tal-lum u kif maż-żminijiet, il-familja tradizzjonali ħadet xejra differenti.

“Żminijiet jinbidlu, u ma nistgħux nibqgħu naħsbu li jekk m’hemmx missier jew m’hemmx omm, u m’hemmx it-tfal m’hemmx familja. ġifieri wieħed irid jifhem li rridu nikkunsidraw l-istess ħaġa li llum il-ġurnata aħna nemmnu wkoll li jekk għandek tnejn, żewġt irġiel, żewġ nisa li qiegħedin iħobbu lil xulxin u qiegħedin f’rabta matrimonjali bejniethom, dik għalija hi familja wkoll.”

Dr Vella qal kif hu jemmen li għalih mhux min jagħmel il-familja, iżda x’jagħmel il-familja fosthom ir-rabta sinċiera ta’ mħabba li jkun hemm bejn in-nies involuti, l-impenn ta’ bejniethom biex jieħdu ħsieb lil xulxin u anke r-responsabbiltà li għandha tintrefa’ bħala membru fl-istess familja.

Mistoqsi xi jfisser għalih li għall-ewwel darba qed jiċċelbra Jum il-Missier bħala l-missier ta’ dan il-ġens, Dr Vella qal kif hemm bżonn li kull wieħed u waħda minna nagħdru aktar lil xulxin u ningħaqdu flimkien.

“Nemmen li hemm qasmiet fuq opinjonijiet, fuq politika, fuq ħafna affarijiet oħra. jien nemmen filwaqt li wieħed għandu d-differenzi tiegħu u bi dritt kollu għandu jiddefendihom, fl-istess ħin għandu jirrispetta lil ħaddieħor li ma jaqbilx miegħu”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend