L-eks sieħeb fin-negozju ta’ Adrian Delia, Kris Bajada ħareġ jattakkah u qal li Delia akkużah b’mod inġust sabiex jiddevja l-attenzjoni mill-problemi li għandu mal-FIAU u jitfa dell fuq l-eks Kap Simon Busuttil.
Irraportat dan il-gazzetta MaltaToday li fakkret kif Delia kien iddikjara li l-firma tiegħu fuq riżoluzzjoni dwar il-kumpanija Frankef, li kellu flimkien ma’ Bajada kienet iffalsifikata.
Delia għamel din id-dikjarazzjoni meta kien qed jiġi investigat mill-FIAU dwar allegazzjoni li kienet għamlet il-blogger Daphne Caruana Galzia li qed jiġu ddepożitati flus minn ċirku ta’ prostituzzjoni fi propjetajiet f’Soho propjetà ta’ missier Bajada, f’kont bankarju li Delia fetaħ f’Jersey.
Il-ħabib ta’ Delia kompla li ma hemm l-ebda dubju Delia kien dak li fetaħ il-kont f’bankarju f’Jersey.
Bajada qal ukoll li fiż-żmien li Delia għamel stqarrija mal-pulizija dwar l-allegazzjonijiet, huwa kien jinsab l-isptar jiġġieled għal ħajtu.
Sostna li Delia għamel l-allegazzjoni bit-tama li dak li huwa jaf dwar Delia jindifen miegħu.
Jekk Adrian Delia ċaħad li fetaħ il-kont f’Jersey, qed jigdeb iddikjara Bajada.
Bajada kien iddefenda lil Delia meta fis-sajf tal-2017 meta Delia kien kontestant għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, Caruana Galizia għamlet sensiela ta’ allegazzjonijiet dwar l-irwol ta’ Delia fiċ-ċirku ta’ prostituzzjoni f’Soho.
Iżda issa Bajada jinsab irrabjat li Delia implikah fl-allegazzjoni tal-firma ffalsifikata, li wasslet għal tfittxija mill-Pulizija fid-dar tal-eks mara tiegħu Diana, li tiġi oħt l-eks Kap Simon Busuttil.
Ir-raġunijiet huma ovvji, sostna Bajada mal-gazzetta. Delia ried jiddevja l-attenzjoni fuq “l-avversarju” tiegħu.
Bajada kompla jgħid li martu qatt ma kella x’taqsam man-negozju tiegħu. Qal ukoll li Delia qatt ma kellu sehem reali fil-kumpanija Frankef u allura ma jistax jifhem għalfejn Delia għamel l-allegazzjoni li l-firma tiegħu kienet falsifikata.