BIL-FILMAT: Casa l-uniku li ma ffirmax il-wegħda ‘Come Out’ – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Casa l-uniku li ma ffirmax il-wegħda ‘Come Out’

Il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa, huwa l-unika Membru Parlamentari Ewropew Malti mis-sitta eletti f’isem pajjiżna, li ma ffirmax il-wegħda favur persuni LGBTIQ bħala “Come Out Pledge”.

Din hija dikjarazzjoni fuq livell Ewropew, li permezz tagħha, il-Membri Parlamentari Ewropej eletti jikkommettu ruħhom li se jaħdmu fuq temi li jolqtu direttament lill-komunità LGBTIQ.

Il-gazzetta KullĦadd irrapportat li fil-passat diġà kien hemm drabi li David Casa urta lill-persuni gay bil-voti tiegħu.

Ħafna drabi deskritti bħala voti “ipokriti” u għal din il-leġiżlatura jidher li se jkompli l-istess.

Id-Direttur Eżekuttiv ta’ ILGA Europe, Evelyn Paradis, saħqet li b’mod ġenerali hemm ir-rieda li l-ugwaljanza tkun prijorità fuq livell Ewropew għas-snin li ġejjin.

Bl-appoġġ li qed jagħtu l-Membri Parlamentari Ewropej, ILGA Europe issa trid iddur fuq il-Kummissjoni Ewropea biex tpoġġi l-ugwaljanza fuq quddiem nett tal-aġenda tagħha.

Din id-dikjarazzjoni kienet iffirmata mill-erba’ Membri Parlamentari Ewropej Maltin eletti tal-Partit Laburista: Miriam Dalli, Alfred Sant, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar.

Fil-każ tal-Partit Nazzjonalista ffirmat Roberta Metsola.

Fost il-prijoritajiet li jirriżultaw minn din il-wegħda, hemm li dawn l-MEPs jaħdmu fuq il-protezzjoni legali u politika konkreta favur id-drittijiet ta’ persuni trans u intersex.

Hemm ukoll l-impenn biex issir ħidma kontra l-mibegħda online u l-ġlieda kontra r-restrizzjonijiet għas-soċjetà ċivili li tressaq leħinha.

Organizzazzjonijiet bħal dawn illum saru jħarsu lejn pajjiżna bħala eżempju ta’ kif il-pajjiżi Ewropew jimxu ’l quddiem f’dan is-settur, fl-isfond li Malta llum hija l-ewwel fid-dinja fejn jidħlu drittijiet għal persuni LGBTIQ.

Fil-fatt, il-KullĦadd irrimarkat li pożizzjonijiet bħalma ħa David Casa f’dan il-każ, jibqgħu jistonaw ħafna u dan għal iktar minn raġuni waħda.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend