Il-bini ta’ Palazzo Parisio fil-Belt Valletta ġibed l-interess tal-President Franċiż Emanuel Macon hekk kif waslet għall-attenzjoni tiegħu l-istorja li dan għandu mal-Ġeneral Franċiż Napuljun Bonaparte.
Milqugħ mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela, il-President Macron żar din il-binja qabel il-laqgħa tas-7 pajjiżi tan-nofsinhar tal-Unjoni Ewropea MED7, fejn is-Segretarjat tal-Ministeru wkoll ingħata l-opportunita’ jieħu b’idejn il-President. Bejn tbissima u tnejn mal-Ministru Abela, huwa ġie spjegat ir-rabta li seħħet ma Franza lura għat- 12 ta’ Ġunju 1798, waqt li Franza kellha t-tmexxija ta’ Malta.
F’dan iż-żmien, il-Ġeneral Napuljun Bonaparte – li kien għadu kif ħa Malta minn idejn lill-Kavallieri ta’ San Ġwann u ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh – daħal f’Palazzo Parisio, li llum huwa s-sede tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-promozzjoni tal-kummerċ.
Is-sebat ijiem movimentati li għamel f’dan il-bini huma kkommemorati permezz ta’ bust tal-irħam li jinsab fil-kamra minn fejn kien jaħdem, u li llum hija l-uffiċċju tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela.
F’din l-okkażjoni, ma setax jonqos li l-President Macron jieħu ritratt bħala tifkira, mal-bust tal-irħam ta’ Napuljun.