BIL-FILMAT: Missier Jerome – "L-għada li ħa borża demm ibni mort nagħti jien" | One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Missier Jerome – “L-għada li ħa borża demm ibni mort nagħti jien”

Ibnu rċieva borża demm għax kien marid bil-kanċer, l-għada beda jagħti d-demm.

Hekk stqarr magħna Kenneth Frendo, missier il-mibki Jerome, li propju lejliet jum il-missier spjega kif ibnu tawwal ħajtu għax kien hemm min ta d-demm għalih.

“Filfatt jien l-ewwel motivazzjoni kbira li ġiet biex insir donor tad-demm kien propju meta rajt l-ewwel borża tad-demm tiġi għat-tifel tiegħi.”

Illum il-memorja ta’ Jerome baqgħet ħajja permezz tal-Fondazzjoni Smiling With Jerome li tagħmel xogħol fejjiedi fil-komunità.

Kif tisħaq donatriċi oħra tad-demm, li tagħti d-demm hija donazzjoni sempliċi iżda tirrekjedi qalb kbira għaliha.

“Fir-realtà hija donazzjoni ta’ ftit ħin minn ħajjitna għaliex id-demm jiġi replacjat fil-ġisem fi ftit sigħat, jiġifieri tixrob żewġ tazzi ilma u l-għada jkollok l-istess volumm ta’ demm li kellek qabel ma tajt.”

Joanna Pecorela ilha tletin sena tagħti d-demm u tfisser it-transfużjoni tad-demm bħala għoti ta’ mediċina.

“Taf illi marret borża għand xi ħadd jew iktar minn xi ħadd wieħed illi ħa jsalvalu ħajtu għax dan ma jagħtux demm mhux lil xi ħadd li għandu bżonnha, jiġifieri hija mediċina li nistgħu nagħtu minn bniedem għall-ieħor.”

Dlonk jaqbeż Kenneth Frendo, missier Jerome li jispjega kif id-demm ma jiġux bżonnu biss vittmi ta’ inċidenti iżda dawk morda bil-kanċer ikollhom bżonn kemm donazzjoni tad-demm u minn xi daqqiet donazzjoni ta’ ċelloli bojod, tant bżonnjużi biex tibqa’ f’saħħtek.

“Jiena kont in-naħa l-oħra, qed nara lit-tifel tiegħi jieħu d-demm, allura naf xi tfisser. It-tifel darba qalli xi ħaġa li baqgħet stampata sal-lum f’moħħi; Qalli Pa mn’Alla li hawn id-donors tad-demm. Meta kien qed jaraw dawk il-boroż kollha ġejjin għalih u jien irrid inkun parti minnha.”

Intant f’ċerimonja li saret fil-Palazz Verdala, l-istat irrikonoxxa lil xejn inqas minn sbatax-il donatur tad-demm.

Fil-preżenza tal-President ta’ Malta George Vella, twassal messaġġ pożittiv favur id-donazzjoni tad-demm, fosthom minn kor tat-tfal li kantaw silta bl-isem ta’ ‘Nagħtu d-Demm, Nagħtu l-Ħajja’.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend