Ir-reżistenza għat-trattament tħalli 33,000 vitma fl-UE | One News

Notifiki

Ir-reżistenza għat-trattament tħalli 33,000 vitma fl-UE

Tlieta u tletin elf persuna minn madwar l-Unjoni Ewropea huma stmati li jmutu kull sena għax il-mediċini li jingħataw mhumiex b’saħħithom biżżejjed biex jeqirdu ċertu mikrobi. Dan jiġri meta il-ġisem jibda jirreżisti trattamenti mediċi bħall-antibijotiċi.

Malta qed tagħti l-importanza dovuta fuq il-mediċini kontra l-mikrobi u qed tmexxi aġenda bi prijorità f’dan ir-rigward.

Dan ħareġ mid-diskors tal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta l-Ġimgħa filgħodu indirizza l-laqgħa tal-ministri tas-saħħa Ewropej fil-Lussemburgu.

Id-Deputat Prim Ministru qal li r-reżistenza għal dawn it-trattamenti hija prijorità għas-saħħa pubblika u għalhekk jeħtieġ li tingħata importanza fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea.

Semma wkoll l-importanza li s-suq intern għall-farmaċewtiċi jaħdem aħjar għax huwa essenzjali li tingħata l-aqwa kura tas-saħħa.

“Flimien irridu ninnegozjaw kif nistgħu nitkellmu aħjar mal-industrija tal-farmaċewtika biex tipproduċi mediċini ġodda bi prezzijiet li huma raġonevoli”

Fid-diskors tiegħu Fearne ħabbar ukoll li Malta pproponiet li r-reżistenza għall-mediċini kontra l-mikrobi tkun fuq nett tal-aġenda tal-laqgħa ministerjali li jmiss tal-Valletta Declaration, liema laqgħa se ssir f’Malta fil-bidu ta’ Lulju li ġej.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend