Fil-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, 17-il donatur ingħataw rikonoxximent mill-President ta’ Malta George Vella talli ddistingwew ruħhom bid-donazzjonijiet tad-demm matul is-snin. Din hija l-ħames darba li din iċ-ċerimonja prestiġġjuża qed issir taħt il-Patronċinju tal-President ta’ Malta. Din is-sena ġew onorati għaxar nisa u sebat irġiel.
Dawn huma Joanna Abela, Rita Azzopardi, Martin Bugelli, Susanne Bonnici, Jimmy Sammut, Josette Farrugia, Lawrence Gialanze, Margaret Galea, Anthony Deguara, Doris Grima, Paul Deguara, Maria Portelli, Alfred Calleja, Mary Sant, Stephen Vella, Joanna Pecorella, u Anna Zammit.
Il-President qal li s’issa d-donazzjonijiet tad-demm dejjem saru b’għan altruwist, ġest li qal huwa nobbli u ammirevoli għal dawk li jibqgħu jagħtu d-demm minn jeddhom b’mod regolari.
Il-President qal li meta kien ukoll pazjent, seta’ japprezza lid-donatur li bis-saħħa tiegħu seta’ jieħu l-kura, kif ukoll lill-ħaddiema, tobba u infermiera li jaraw li d-demm meħtieġ ikun ta’ kwalità.
Il-President radd ħajr lil dawk kollha li jaħdmu fis-servizz nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, kif ukoll tal-Banek tad-Demm tal-Isptar Mater Dei u tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, filwaqt li esprima sodisfazzjon lejn il-qalb kbira tal-poplu Malti li dejjem kien ġeneruż u ġew evitati sitwazzjonijiet ta’ skarsezza minħabba li l-poplu dejjem irreaġixxa meta kien hemm sejħa ta’ emerġenza.
Il-President Vella temm id-diskors tiegħu b’appell biex jinkoraġixxi qraba u familjari tad-donaturi tad-demm, biex jieħdu l-eżempju tagħhom u jsiru huma wkoll donaturi regolari tad-demm.
Matul iċ-ċerimonja qasmu l-esperjenza tagħhom Kenneth Frendo (li waqqaf il-Fondazzjoni Smiling with Jerome) u Christine Grixti, filwaqt li s-Surġent Simon Schembri tkellem dwar id-diffikultajiet li għadda minnhom u kemm kien importanti d-demm biex baqa’ ħaj.
It-tema magħżula għal din is-sena hija ‘Demm Sigur għal Kulħadd’. Dan sabiex iktar nies jitħajru jsiru donaturi tad-demm u jagħtuh b’mod regolari bil-għan li l-provista tlaħħaq mal-bżonnijiet tal-pazjenti li jkunu jeħtieġu t-trasfużjoni tad-demm.
Iċ-ċerimonja saret fil-Palazz tal-Verdala u kienet organizzata mis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm taħt il-Patronċinju tal-President ta’ Malta.