Erin Tanti ta’ 28 sena, ġie kkundannat għoxrin sena u sitt xhur ħabs u mmultat aktar minn tnejn u għoxrin elf ewro, wara li l-Ġimgħa filgħodu ammetta flok għadda ġuri li qatel lill-istudenta tiegħu Lisa Marie Zahra ta’ ħmistax-il sena.
Il-ġuri ta’ Tanti kien mistenni li jibda l-Ġimgħa filgħodu quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Iżda fl-aħħar minuta, Tanti li kien mixli b’sitt kapi ta’ akkuża fosthom dik ta’ qtil volontarju wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Lisa Marie kien instabet mejta fid-19 ta’ Marzu ta’ ħames snin fl-irdum ta’ Ħad-Dingli waqt li Tanti li kien l-għalliem tad-Drama tagħha nstab midrub taħt l-irdum. Huwa kien ilu f’relazzjoni ma’ Lisa Marie għal tliet xhur u b’din ir-relazzjoni kienu jafu biss ftit nies. Huma kienu ftehmu li ma jgħidux lil missierha minħabba li kienet taħt l-età u hu l-għalliem tagħha.
Fil-kumpilazzjoni tax-xhieda, l-Ispettur Keith Arnaud kien xehed fit-18 ta’ Marzu, Erin u Lisa Marie marru Ħad-Dingli fejn bdew jieħdu l-pilloli bil-whisky biex jagħmlu suwiċidju flimkien iżda dan ma rnexxiex. Dan meta Lisa Marie kienet fi stat vulnerabbli u ta’ disprament.
Wara bdew mexjin mal-irdum fejn bdew ifittxu post minn fejn jaqbżu. Fil-qorti ngħad li f’mument minnhom Lisa Mariea sabet post fejn kellhom jaqbżu għal ġol-fondoq mudlam. Hawnhekk ingħad li ntebħet li tanti ma kellux l-intenzjoni li jaqbeż magħha, tant li ħarset f’għajnejh u qaltlu biex ma jkunx ġifa. Imbagħad għoddet sat-tlieta u qabżet għal isfel fid-dlamijiet. Żied jingħad li Tanti ma għamel xejn biex iwaqqafha u jsalvalha ħajjitha.
Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Scerri Herrera sabet lil Tanti ħati wkoll li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ Lisa Marie, meta din kienet f’qagħda vulnerabbli. Dan meta bħala għalliem kellu r-responsabblità li jieħu ħsiebha. Huwa nstab ħati wkoll li pproduċa materjal indiċenti. Dan meta fil-mobile tal-vittma l-investigaturi sabu ritratti tagħha għarwiena li rriżulta li kienu ttieħdu minn Tanti għax l-immaġini tiegħu dehret riflessa fil-mera.
Hekk kif l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qrat is-sentenza fil-konfront ta’ Tanti, qamet kommossjoni fl-awla, tant li membri tal-familja Zahra kellhom jiġu kkalmati mill-Pulizija fl-awla.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Assistant Avukat Ġenerali Dr Philip Galea Farrugia, filwaqt li l-każ ġie investigat mill-Ispettur Keith Arnaud mill-Iskwadra tal-Omiċidji.
B’reazzjoni għas-sentenza, il-kuġin ta’ Lisa Marie, Winston Zahra kiteb fuq facebook li mill-evidenza kollha li rat il-familja, minn dejjem kienu jafu li Tanti qatel lil Lisa Marie, iżda qal li setawx jitkellmu minħabba l-proċeduri fil-qorti.
Qal li issa li Tanti jinsab maqful f’ċella għal żmien twil, il-familja tista’ tagħlaq dan il-kapitlu iżda se tissokta b’ħidmietha permezz tal-Fondazzjoni Lisa Marie. Dan biex permezz ta’ din il-fondazzjoni jitkomplew jitħarsu t-tfal, l-aktar dawk l-aktar vulnerabbli.