Carmel Buttigieg ta’ 43 sena mis-Siġġiewi kien illiberat wara li l-Qorti kkonkludiet li ż-żewġ akkużi miġjuba kontrih kienu preskritti u estinti.
Fil-Qorti ħareġ kif lura fl-1996, Buttigieg allegatament ħalef il-falz jew ta xhieda falza quddiem Maġistrat fil-Qorti meta kien qed jinstema’ każ ta’ allegat ħlas ta’ kambjala li baqa’ ma sarx. Il-kawża nfetħet minn Joseph Lia fil-konfront tal-imputat, iżda dan tal-aħħar insista li l-firma ma kinitx tiegħu.
Hu mifhum li wara dan, l-akkużat għażel li ma jixhidx fil-Qorti. Wara stqarrija li l-akkużat kien għadda lill-Pulizija, il-Qorti akkużat lil Buttigieg li ta xhieda falza lill-Qorti.
Il-Qorti nnotat ukoll li huwa minnu li l-Pulizija ma kienux jafu x’inhu għaddej fil-proċedura u ma saret ebda kwetela dwar xhieda falza fir-rgward tal-imputat. Minħabba li l-azzjoni kriminali kontra l-akkużat ġie intavolata fl-2004, it-terminu ta’ preskrizzjoni taż-żewġ reati li Buttiegieg kien akkużat laħaq għadda. Għalhekk, il-Qorti qalet li l-azzjoni kriminali fil-konfront tal-imputat kienet preskritta, u ordnat li Carmel Buttigieg ikun illiberat minn kull akkuża.
L-avukat Emmanuel Mallia deher għall-akkużat.