"Proset perit… Jiena għidtlek biex tieqaf u int qed tkompli taħdem"- Residenta fil-blokka | One News

Notifiki

“Proset perit… Jiena għidtlek biex tieqaf u int qed tkompli taħdem”- Residenta fil-blokka

Residenta li tgħix fil-blokka tal-appartamenti li dalgħodu ġġarrfet fil-Gwardamangia kienet ilha ġimgħat tilmenta mix-xogħlijiet li kienu għaddejjin fis-sit ta’ kostruzzjoni biswit darha. Madwar xahar ilu, fuq Facebook, Janet Walker tellgħet żewġ filmati twissi lill-ħaddiema u lill-perit responsabbli mix-xogħol li kienet se tispiċċa bla saqaf fuq rasha minħabba x-xogħlijiet li kienu għaddejjin.

F’filmat li tellgħet fuq Facebook hija tidher teħodha ma’ wieħed mill-ħaddiema tal-kuntrattur u twissih biex jieqaf mix-xogħlijiet ta’ skavar minħabba l-ħsara li kienet qed issirilha fi ħwejjiġha. Madankollu x-xogħlijiet baqgħu għaddejjin sakemm dalgħodu ġġarraf il-ħajt tal-appartament t’isfel.

Messaġġ fuq Facebook ta’ Walker li ttella’ fit-8 ta’ Ġunju li għadda staqsa kemm iridu jweġġgħu persuni biex tittieħed azzjoni. Walker żiedet tgħid li wieħed irid jaħdem ħafna biex daru tkun protetta, u jrid jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta’ periti u ta’ avukati, fost l-oħrajn.

“U meta tweġġa’ jew tmut, min se jagħmel tajjeb?”, żiedet tistaqsi Walker, li nnutat ukoll li l-Pulizija ma jistgħux jidħlu fil-każ sakemm ma jkollhomx karta mingħand perit li jiddikjara li l-post mhux sigur.

Ir-raġel li deher fir-ritratt jidher li ma kellu x’jaqsam xejn ma’ dan il-każ.

Ara wkoll:

FILMAT: jiġġarraf ħajt ta’ binja ta’ appartamenti fil-Ħamrun

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend