Iż-żgħażagħ ta' Delia jwieġbu b'rapport u fiduċja fil-Kap | One News

Notifiki

Iż-żgħażagħ ta’ Delia jwieġbu b’rapport u fiduċja fil-Kap

Grupp imdaqqas ta’ żgħażagħ fil-Partit Nazzjonalista miġbura f’dak magħruf bħala Team Start ħarġu rapport li huwa differenti minn dak tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista. Biex hekk iż-żgħażagħ huma maqsumin f’żewġ fazzjonijiet fid-deher ukoll.  Ir-rapport ta’ Start, li kien ippubblikat f’siti online, jgħid kif matul l-aħħar għoxrin xahar l-involviment taż-żgħażagħ fil-Partit Nazzjonalista kien prijorità.

Biex filwaqt li l-MŻPN tkellmu fuq tmexxija li tellgħet il-ħitan, dawn tkellmu fuq miżuri biex iktar żgħażagħ jingħaqdu mal-partit. Iffirmat mill-President ta’ Team Start, Thomas De Martino, dan ir-rapport jgħid li ż-żgħażagħ ingħataw iktar spazju fl-eżekuttiv u l-amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll fil-midja tal-partit.

Filwaqt li elenkaw il-ħidma ta’ Team Start, f’dik li hi sezzjoni ċara maħsuba biex tattakka lill-MŻPN, iż-żgħażagħ ta’ Delia lil dawn ikkrtikawhom li fl-aħħar xhur kienu passivi. Fil-fatt meta jitkellmu dwar x’għandu jsir jgħidu li jrid ikun hemm kollaborazzjoni bejn Team Start u l-MŻPN.

U hawn bdew il-botti iktar ċari. Qalu li diżappuntati bil-Partit Nazzjonalista maqsum u li kien hemm min ħoloq atmosfera tqila fil-Partit. Qalu li l-leaks qed ixekklu l-espressjoni ħielsa fl-istrutturi tal-partit. U hawn ħarġu jaqbżu għat-tmexxija b’mod dirett. “Nesprimu wkoll id-diżappunt tagħna għal kliem li ntqal rigward tal-attitudni tat-tmexxija lejn iż-żgħażagħ,” jgħid ir-rapport li ma jiqafx hawn. Anzi qalu li kienet l-apatija u n-nuqqas ta’ inizjattiva ta’ wħud li setgħet begħdet iż-żgħażagħ u mhux id-diriġenza tal-partit.

Jirriżulta li TEAM Start ħa wkoll vot ta’ fiduċja fil-Kap Adrian Delia f’laqgħa li kellu fl-aħħar jiem u tennew li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn jiġbed ħabel wieħed.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend