Imħabbra regolamenti ġodda għat-twaqqigħ u l-iskavar – multi ħorox ħafna għal min jiksirhom | One News

Notifiki

Imħabbra regolamenti ġodda għat-twaqqigħ u l-iskavar – multi ħorox ħafna għal min jiksirhom

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li l-Gvern se jippubblika regolamenti ġodda għall-konsultazzjoni pubblika biex jirregolaw il-qasam partikolari fir-rigward tal-iskavar u twaqqigħ ta’ bini. Dan wara li nħarġu struzzjonijiet biex il-pemessi għal xogħlijiet kollha ta’ twaqqigħ u tħaffir f’siti ta’ kostruzzjoni fil-pajjiż jiġu sospiżi temporanjament.

Waqt laqgħa l-Ħamis waranofsinhar, il-Prim Ministru Muscat qal li f’każijiet fejn ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa jistgħu jkunu ta’ periklu, il-perit tal-proġett se jintalab li jagħmel sottomissjoni lill-awtorità kompetenti biex jekk jirriżulta li jkun hemm periklu jkun jista’ jibqa’ għaddej ix-xogħol. Dan se jkun fuq kwistjoni ta’ eċċezzjoni u mhux kwistjoni ta’ regola.

Dr Muscat qal ukoll li l-liġijiet tagħna diġà jgħidu ta’ min huma r-responsabbilitajiet f’dan il-qasam, fosthom il-perit u r-rwol tal-maniġer tas-sit li jrid jara li x-xogħol isir skont il-metodu tal-perit u l-kuntrattur, li jrid isegwi dak li qallu l-perit. Minkejja li għandna dawn il-liġijiet xorta għandna kiażijiet li l-Gvern ma jistax jagħlaq għajnejh għalihom, qal il-Prim Ministru, li nnota li ħafna minn dawn il-każijiet qed isiru fi proġetti relattivament żgħar hekk kif fi proġetti kbar hemm konformità li qed tiġi assigurata u għalhekk il-focus se jkun fuq proġetti meqjusa żgħar.

Il-perjodu ta’ konsultazzjoni għar-regolamenti li se jippubblika l-Gvern it-Tnejn li ġej se jkun limitat għal ħamest ijiem biss, wara li l-Gvern ftiehem mal-awtoritajiet u l-korpi kostitwiti biex jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom fl-iqsar żmien possibbli.

Il-Prim Ministru spjega wkoll li l-konsultazzjoni se tkun waħda organika biex f’dawk il-ħamest ijiem issir kordinazzjoni intensiva mill-Gvern. Wara l-konsultazzjoni, il-kabinett se japprova r-regolamenti l-ġodda biex jidħlu fis-seħħ fik il-ġimgħa stess. Sadanittant, ma jista’ jsir ebda xogħol ta’ twaqqigħ jew skavar fil-pajjiż, b’eċċezzjoni f’postijiet fejn il-perit jiċċertifika li jekk ma jkomplux dawn it-tip ta’ xogħlijiet li jkunu diġà bdew, ikun qed jinħoloq periklu għall-persuni tal-madwar.

Dr Muscat qal li r-regoli l-ġodda jinsabu fil-fażijiet finali u fost oħrajn se jesiġu li l-perit jew maniġer tas-sit iridu jkunu fuq il-post meta jittieħdu deċiżjonijiet importanti dwar xogħol ta’ twaqqigħ jew skavar. Dan ifisser li l-perit jew maniġer ikun żar il-post fil-ħin li jkun hemm twaqqigħ partikolari, skavar partikolari u anke jekk ikun hemm konsenturi li jidhru, jew affarijiet fil-blat. Dan filwaqt li l-Gvern kellu wkoll diskussjoni dwar studju li jsir waqt it-twaqqigħ biex ikun dokumentat li l-persuni kompetenti kienu fuq il-post f’dawn il-mumenti, ħadu ċertu deċiżjonijiet, u ta’ dawk, ġarrew ir-responsabbiltà.

Il-Prim Ministru qal ukoll li l-Gvern ma jistax joqgħod pulizija mal-pajjiż kollu u għalhekk hemm professjonisti li għandhom iġorru r-responsabbiltà. Għalhekk f’dawn ir-regoli l-ġodda se jiġi propost ukoll li jsiru studji geoloġiċi u tekniċi f’kull każ ta’ tqattigħ u mhux biss minn tliet metri. Dan filwaqt li se jiżdiedu għal €10,000 l-multi għal min ma jsegwix ir-regolamenti.  F’każ ta’ persuna li jkompli x-xogħlijiet meta jkollu avviż biex jieqaf, il-multa se it-titla’ minn €1,200 għal €50,000.

Il-Prim Ministru Muscat temm jgħid li għaddej ukoll xogħol ma’ awtorità ġdida bil-ħsieb li jiddaħħlu elementi ġodda, u b’sodisfazzjon innota li sab koperjazzjoni mill-partijiet involuti dwar id-deċiżjoni li ħa l-Ħamis filgħodu, li dwarha kien hemm qbil unanimu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend