Il-Ministru Carmelo Abela jilqa' lid-DPM Kroata għal laqgħa bilaterali | One News

Notifiki

Il-Ministru Carmelo Abela jilqa’ lid-DPM Kroata għal laqgħa bilaterali

Fil-laqgħa bilaterali bejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Carmelo Abela u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropew tal-Kroazja, Marija Pejcinovic Buric li saret dalgħodu fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, il-Belt Valletta,  ġiet diskussa, bħala punt ewlieni, l-importanza li tisaħħaħ u t-tiġedded il-kooperazzjoni multilaterali biex b’hekk jingħelbu l-akbar sfidi li qed taffaċja d-dinja b’mod partikolari fl-Ewropa. Huwa sostna li l-organizazzjonijiet bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill għall-Ewropa jibqgħu relevanti biss jekk jaddattaw għat-tibdil u jitrattaw lill-membri tagħhom b’mod ekwu.

Il-Ministri espremew b’sodisfazzjon ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi, tant li ddiskutew dwar il-possibilitajiet ta’ aktar opportunitajiet fil-kummerċ u l-investiment. Il-Ministru Abela tkellem ukoll dwar l-impenn ta’ kollaborazzjoni fis-settur kulturali, fid-dawl tal-iffirmar tal-ftehim ta’ kooperazzjoni edukattiv u kulturali, li jsaħħaħ l-elementi komuni li għandhom iż-żewġ pajjiżi: ir-Reliġjon, il-wirt kulturali, l-kultura Mediterranja kif ukoll l-istorja marittima.

Il-Ministru Abela semma kif il-Kroazja se tkun qed tgħaddi minn mumenti interessanti hekk kif se tkun qed tospità l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Belt Rijeka se tkun il-belt kapitali għall-kultura fl-2020.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend