Taħriġ għal 700 mara minn 7 pajjiżi, inkluż Malta, fil-qasam diġitali – One News

Taħriġ għal 700 mara minn 7 pajjiżi, inkluż Malta, fil-qasam diġitali

B’investiment ta’ €350,000 Fondi Ewropej, se jingħata taħriġ lil madwar seba’ mitt mara f’seba’ pajjiżi Ewropej – inkluż Malta – biex jisfruttaw il-potenzjal ta’ ħiliet taghhom fejn jidħlu kompetenzi diġitali.

F’dinja li kulma jmur qed issir iddominata mit-teknoloġija, il-proġett WOMEN4IT għandu l-għan li jiżra’ għarfien bażiku tat-teknoloġija fost nisa meqjusa vulnerabbli fis-soċjetà.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri nnota li l-ħiliet bażiċi fid-dinja tat-teknoloġija huma meqjusa kruċjali biex wieħed isib impjieg, u fid-dawl li f’Malta hawn iżjed nisa milli rġiel li jużaw it-teknoloġija għal skopijiet bħall-midja soċjali, ħeġġeġ lin-nisa Maltin biex jaħtfu din l-opportunità li tista’ twassalhom għal karriera.

Tenna li l-Gvern jemmen fin-nisa u fl-abbiltajiet taghhom u ghaldaqstant heggeg biex il-mara Maltija ma tibzax timxi pass ‘il quddiem u tkun parti minn din l-industrija.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia rrimarka li għalkemm dan il-Gvern daħħal miżuri bħaċ-childcare centres bla ħlas biex iħeġġeġ aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol, l-isfidi għadhom hemm.

Għaldaqstant innota b’sodisfazzjon dawn il-fondi, u qal li dawn mhumhiex it-tmiem għaliex hemm ħafna iżjed fix-xhur u s-snin li ġejjin maħsuba biex jindirizzaw id-diskrepanza bejn is-sessi fejn jidħol ix-xogħol.

Ta’ QabelLi Jmiss