Meta nhar it-Tnejn beda jiltaqa’ l-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap Adrian Delia, ħa miegħu lil Pierre Portelli.
Iżda, dan tal-aħħar kien muri l-bieb ta’ barra.
Huwa sigriet magħruf li Pierre Portelli huwa l-id il-leminija tal-Kap Adrian Delia u din mhux l-ewwel darba li Portelli attenda l-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Iżda, b’differenza minn drabi oħra fil-grupp kien hemm oġġezzjoni qawwija għall-preżenza tiegħu.
Fuq quddiem nett kien hemm Karol Aquilina, deputat parlamentari mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li nhar it-Tnejn għamilha ċara li mhux se jaċċetta li jkollu lil Portelli għal din il-laqgħa u oħrajn.
L-argument kien wieħed jaħraq ħafna u Aquilina sab l-appoġġ tal-Membru tal-Parlament Ewropew, David Casa, li wkoll kien voċiferu kontra l-preżenza ta’ Portelli.
Storikament, din mhix l-ewwel darba li strateġisti tal-PN attendew laqgħat tal-grupp parlamentari u din saħansitra saret fi żmien kapijiet oħra. Iżda, ftit ġimgħat wara telfa u fi grupp parlamentari li matulu d-deputati kienu lesti jitkellmu b’mod iebes kontra l-Kap, kien hemm min għamilha ċara li l-laqgħa bi Pierre Portelli ġewwa ma ssirx.
Eventwalment Pierre Portelli kellu jbaxxi rasu u jlebbet ‘il barra. Biex din kienet l-ewwel daqqa lill-Kap minn sensiela fil-laqgħat tal-grupp parlamentari li qed isiru din il-ġimgħa.
Laqgħat fejn saħansitra kien hemm is-sejħa biex Delia jwarrab u jassumi hu flimkien mat-tim tiegħu r-responsabbiltà għat-telfa fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali ta’ din is-sena.
Telfiet li kienu d-disgħa u l-għaxar minn sensiela għall-Partit Nazzjonalista li għadu ma rebaħx elezzjoni waħda minn meta Joseph Msucat sar Mexxej tal-Partit Laburista. Bl-ewwel telfiet kbar ġarrabhom Lawrence Gonzi, oħrajn ikbar waslu taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil u issa kien Adrian Delia li ġarrab l-ikbar telfiet fl-istorja.
Kemm Gonzi u kemm Busuttil irriżenjaw wara li tilfu l-elezzjoni ġenerali u Delia qed jiddefendi ruħu billi jgħid li hu wkoll jirriżenja jekk jitlef l-elezzjoni ġenerali.