Fl-aħħar evalwazzjoni tiegħu tal-programm ta’ stabbilità għal din is-sena u tliet snin li ġejjin, il-Kunsill Fiskali sejjaħ bħala plawżibbli t-tbassir ekonomiku u fiskali tal-Gvern.
Il-Kunsill Fiskali li huwa awtonomu mill-Gvern ikkonferma li matul is-sena li għaddiet, il-Gvern ħares ir-regoli fiskali dwar ir-responsabbilità fiskali u l-patt ta’ stabbilità u tkabbir.
Bl-istess mod qal li l-pjani fiskali li tressqu għandhom jiżguraw konformità mar-regoli fiskali tul din is-sena u tliet snin ta’ wara.
Qal li l-Ministeru għall-Finanzi jistenna li l-ekonomija Maltija żżomm pass qawwi bi tkabbir ekonomiku li mistennija jibqa’ fil-livell ta’ ħamsa fil-mija fl-elfejn tnejn u għoxrin.
Fid-dawl ta’ dan, pajjiżna mistenni jibqa’ jirreġistra surplus fil-finanzi pubbliċi tiegħu għalkemm inqas minn dak li rreġistra matul is-sena li għaddiet ta’ tnejn fil-mija tal-prodott domestiku gross.
Fl-istess waqt il-proporzjon tad-dejn meta mqabbel mal-ġid nazzjonali mistenni jibqa’ jonqos u jinżel minn sitta u erbgħin fil-mija matul is-sena li għaddiet għal ftit aktar minn tlieta u tletin fil-mija fl-elfejn tnejn u għoxrin.
Il-kunsill fakkar li minkejja xenarju fiskali tajjeb, il-viġilanza tibqa’ importanti. Fl-istess waqt qal li dawn il-kundizzjonijiet joffru opportunità għat-twettiq tar-riformi meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi fit-tul.