Grupp kbir ta’ deputati fil-grupp parlamentari Nazzjonalista talbu lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia u lit-tmexxija tal-partit biex jerfgħu r-responsabbiltà politika tal-akbar telfa elettorali li ġarrab il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.
Sorsi fil-grupp parlamentari Nazzjonalista li tkellmu mal-maltatoday fi tmiem il-laqgħa li ħadet madwar sebgħa sigħat u ntemmet għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, qalu li l-biċċa l-kbira tad-deputati Nazzjonalisti insistew li Delia għandu jirriżenja.
L-istess sorsi sostnew li kienu biss tliet membri parlamentari li tkellmu favur Delia fejn irrapportat kif sors ieħor qal li l-kumplament tal-grupp parlamentari kien kważi unanimu fis-sejħa biex Delia u t-tmexxija tal-partit jerfgħu r-responsabbiltà u tawh jumejn biex jikkunsidra t-talba tagħhom.
Wieħed mis-sorsi kien kwotat jgħid li “poġġejna l-ballun f’saqajhom u ddeċidejna li nagħtu lit-tmexxija xi jiem biex isibu l-aħjar mod biex jirriżenjaw”.
Sors ieħor qal li l-aktar nies kritiċi kienu d-deputati Karl Gouder, Ryan Callus, l-ex Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.
L-istess sors żvela li l-ex Kap Nazzjonalista Simon Busuttil qal lil Delia: Agħmel l-aktar ħaġa onorabbli kif għamilt jien.
Hu mifhum li l-ex ministri Nazzjonalisti Carm Mifsud Bonnici u Edwin Vassallo, it-tnejn mill-fazzjoni ta’ Delia kellhom jintervjenu bosta drabi biex jikkalmaw il-qiegħa milli tkompli tisħon u sostnew li t-tluq ta’ Delia mill-partit jaf ikollu riperkussjonijiet serji minħabba l-appoġġ li jgawdi mill-għeruq tal-partit.
L-istess sorsi qalu li Kristy Debono, deputata oħra mill-fazzjoni ta’ Delia u li fl-aħħar xhur kienet taħt assedju mill-fazzjoni ta’ Busuttil, ma lissnitx kelma waqt li l-whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar qal li l-grupp sħiħ għandu jerfa’ r-responsabbiltà.
Matul il-laqgħa tal-bieraħ reġgħet qamet il-kwistjoni lil-Partit Nazzjonalista ħadem biex l-ewro paralamentari David Casa ma jerġax jiġi elett fil-Parlament Ewropew. Akkuża li ġiet miċħuda mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli li fil-laqgħa tat-Tnejn fakkru li Delia ħareġ għonqu għalih matul il-kampanja elettorali meta kien qed jiġi kkritikat mill-Partit Laburista.
Fi tmiem il-laqgħa, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal ma’ ONE NEWS li ma setax isejjaħ il-laqgħa bħala waħda mqanqla. Qal li l-fehmiet kienu varji ħafna. Qal li issa jrid jikkunsidra dak li ntqal biex jimxu ‘l quddiem.
Delia qal li matul il-laqgħa ma talabx vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu.
Dwar ir-rapport tal-MŻPN li ssejjaħ għar-riżenja tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, qal li se jiddiskutih magħhom il-Ħamis li ġej sakemm ma jibqgħux għaddejjin bil-laqgħat tal-grupp parlamentari.
Qal li hu prematur li jitkellem dwar dan ir-rapport meta għadu ma ddiskutihx magħhom.