Ryan Air twaqqaf uffiċjalment il-Malta Air bil-għan li ġġib aktar turisti lejn Malta | One News

Notifiki

Ryan Air twaqqaf uffiċjalment il-Malta Air bil-għan li ġġib aktar turisti lejn Malta

Twaqqfet uffiċjalment il-linja tal-ajru Malta Air, fergħa tal-akbar linja tal-ajru fl-Ewropa, ir-Ryanair, li se tkun ibbażata f’Malta. Il-Malta Air se topera b’sitt ajruplani fil-flotta Maltija ta’ Ryanair u fi żmien tliet snin għandha l-għan li tirduppjahom.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja li matulha ġie ssiġġilat il-ftehim bejn il-Gvern u r-Ryan Air fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, ingħad li t-tkabbir tal-flotta se jsir b’investiment ta’ €600 miljun. Fl-istess ħin, Ryanair se ġġib f’Malta mal-200 ħaddiem, u toħloq 350 impjieg ġdid fis-settur tal-avjazzjoni.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva t-twelid ta’ Malta Air bħala pass eċċitanti għal Ryanair u l-Gvern Malti li se jippermetti biex aktar turisti jiskopru l-Gżejjer Maltin.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li Ryanair minn dejjem kien kontributur ewlieni fl-industrija tat-Turiżmu. Qal li dan il-ftehim huwa xhieda ta’ kemm il-Gvern irid jieħu dan il-qasam fil-livell li jmiss, u ddeskriva l-bidu ta’ Malta Air bħala rebħa għal Malta, li issa għandha żewġ linji tal-ajru li jtajru l-kuluri u l-bandiera tagħha.

Il-Kap Eżekuttiv tar-Ryanair Michael O’Leary qal li Malta Air se tkun opportunità ġdida biex tkabbar l-ekonomija Maltija u r-reġistru Malti tal-avjazzjoni tant li l-Malta Air saret is-37 linja tal-ajru li għażlet ir-reġistru Malti tal-ajruplani.

O’Leary spjega li fix-xitwa li ġejja, is-sitt ajruplani li għandha bbażati f’Malta se jinżebgħu bl-ilwien il-ġodda tal-Malta Air. Qal li bis-saħħa ta’ Malta Air, il-linja Nazzjonali tal-Ajru Air Malta se tara wkoll żieda fil-bejgħ fis-snin li ġejjin. Dan wara li rreġistrat surplus għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin. Huwa żied jgħid li l-ħaddiema bbażati fuq ir-rotot ta’ Malta se jkunu ttrasferiti fuq il-kotba lokali biex iħallsu t-taxxa f’Malta u jikkontribwixxu għall-ekonomija Maltija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend