Navaj Brodda tirbaħ it-tazza tas-Sette Giugno | One News

Notifiki

Navaj Brodda tirbaħ it-tazza tas-Sette Giugno

Il-Ġimgħa waranofsinhar l-aktar tiġrija mistennija kienet il-finali tat-Tazza Sette Giugno sponsorjata għal darb’oħra miċ-Chukkas Restaurant li jinsab fuq il-korsa stess.

Riservata għall-klassi Premier kienu għaxart iżwiemel li pparteċipaw wara li żiemel li kkwalifika għall-finali iddeċieda li ma jiħux sehem filwaqt li żiemel ieħor kien skraċċjat.

Hekk kif il-favorit għar-rebħ Quick Fix taħt il-gwida ta’ Cliferty Calleja mar mill-ewwel fuq quddiem fit-tluq tat-tiġrija għal dawk kollha preżenti deher li kienet ser tkun tiġrija bla storja speċjalment meta t-tieni favorit Okay dei Ronchi deher mill-ewwel jżzballja u jkun eliminat.

Fuq distanza ta’ 2140m b’andatura denja għal din il-klassi Quick Fix kellu diversi tulijiet vantaġġ hekk kif daħal fid-dritt finali meta fl-aħħar 200m l-istorja nqalbet totalment hekk kif wasal attakk insidjuż minn Univers de Suce misjuq minn Kurt Saliba filwaqt li d-debba Navaj Brodda bil-ġerrej Charles Camilleri irnexxiela ssib l-ispazju li toħroġ mill-qatta u Stormbringer G.R. Misjuq minn Julian Farrugia ta sprint veloċi mill-aħħar pożizzjoni.

Fi tmiem li ħalla lil kulħadd bla nifs kienet id-debba Navaj Brodda li qasmet il-linja finali fl-ewwel post ra biss quddiem Stormbringer G.R. segwit minn Univers de Suce fejn Quick Fix kellu jikkuntenta bir-raba’ post.

Għal Navaj Brodda din kienet l-ewwel rebħa minn mindu ġiet promossa fi Klassi Premier hekk kif is-sena l-oħra rajnijha tirbaħ żewġ finali fi Klassi Gold il-Kampjonat tas-Sajf u t-Tazza Johnnie Walker.

Ikkwotata bħala outsider għar-rebħ dan kien każ ċar ta’ jekk tkun wieħed mill-finalisti kollox jista’ jiġri. Wara t-tiġrija s-sewwieq Charles Camilleri stqarr li qatt ma kien qed jistenna li jista’ joħroġ rebbieħ iżda beda jaħseb li seta’ jkun mal-ewwel erbgħa. Huwa qal li d-debba kellha grinta kbira u fil-korsa tagħmel l-almu kollu tagħha biex terbaħ.

Wara l-finali Martin Arrigo f’isem iċ-Chukkas Restaurant u Edwin Borg Chairman tal-Malta Racing Club ippreżentaw it-trofej lir-rebbieħa.

It-tiġrijiet l-oħra ta’ nhar il-Ġimgħa kif ukoll tal-Ħadd kienu normali fuq distanza ta’ 2140m fejn issa l-aħħar programm li jagħlaq l-ewwel parti tal-istagun isir nhar il-Ħadd bil-finali tal-Kampjonat Le Trot.

Ritratt: Alex Azzopardi

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend