B’investiment ta’ €12-il miljun mis-settur privat, fl-isptar Mater Dei tnieda proġett fejn se tibda titqassam il-mediċina permezz ta’ robots.
Imlaqqma Mario u Sophia, dawn iż-żewġ robots se jassistu lill-ispiżjara tal-isptar, it-tobba u l-infermiera sabiex permezz tat-teknoloġija pazjenti fl-isptar jkunu jistgħu jieħdu dejjem il-mediċina t-tajba filwaqt li tiġi eliminata l-ħela tal-mediċina.
Is-sistema taħseb li tikkordina id-dożi u l-ħinijiet li fihom iridu jingħataw il-mediċini b’salvagwardji sabiex ma tingħatax doża żejda jew mediċina ta’ xi pazjent ieħor bi żball.
Il-proġett bħalissa jinsab fuq fażi ta’ dimostrazzjoni sabiex tobba, infermiera u spiżjara jiġu familjarizzati mas-sistema l-ġdida.
Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-pjan hu li sa sentejn oħra jiġu installati total ta’ 17 minn dawn ir-robots fis-swali.
L-ewwel sistema fis-swali mistennija tidħol fil-bidu tas-sena d-dieħla.