Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna laqa’ lill-Viċi President tal-Bank Ewropew għall-iżvilupp u r-rikostruzzjoni Pierre Heilbronn.
Dan il-bank imwaqqaf fl-1991 jinvesti f’pajjiżi sabiex permezz tal-investiment tiġi mibnija ekonomija tas-swieq. Pajjiżna minbarra li hu membru huwa wkoll wieħed mill-pajjiżi fundaturi.
L-ewwel pajjiżi li bbenefikaw mill-ħidma ta’ dan il-bank kienu l-pajjiżi tal-eks Unjoni Sovjetika. Iżda issa dan il-bank qed iħares lejn żvilupp lejn ir-reġjuni tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.
Il-Viċi President Heilbronn spjega li f’dan ir-reġjun fl-aħħar seba’ snin il-bank investa mas-seba’ biljun u nofs ewro sabiex pajjiżi bħat-Tuneżija, l-Eġittu u l-Marokk jibdew jibbenefikaw minn investiment mis-settur privat u mill-ħolqien tal-impjiegi wara snin ta’ instabbilità.
Il-Ministru Scicluna qal li l-irwol ta’ Malta f’dan kollu huwa xprunat minn interessi ġeografiċi. Fisser li minbarra li l-iżvilupp fl-Afrika ta’ Fuq jikkumbatti sfidi bħal immigrazzjoni, l-iżvilupp f’pajjiżi bħal dawn minn interessi Ewropej iqarreb iż-żewġ naħat tal-Mediterran.
Filfatt Malta hija interessata li ġġib dejjem iżjed fil-viċin lill-Ewropa u l-Afrika, sostna il-Professur Scicluna.