Fil-ħames snin li ġejjin l-Unjoni Ewropea għandha tati prijortà ikbar lill-innovazzjoni sabiex tkun ma’ tal-ewwel fid-dinja f’dan ir-rigward.
Sostna dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt laqgħa mal-MEUSAC fejn fisser kif fl-aħħar snin potenzi oħra fid-dinja ħadu passi f’dan il-qasam.
Saħaq ukoll li waħda mill-ewwel prjoritajiet għall-Kummisjoni l-ġdida u l-Kunsill Ewropew se tkun li jingħalaq malajr il-ftehim għall-baġit tal-UE għas-seba’ snin li ġejjin.
Dr Muscat qal ukoll li diskussjoni oħra li se tiddomina l-mejda tal-Kunsill se tkun il-kwistjoni dwar il-libertà tal-moviment, kemm dak li għandu x’jaqsam maż-żona Schengen kif ukoll l-immigrazzjoni minn pajjiżi terzi. Spjega li għalkemm huma żewġ oqsma separati minn xulxin, iħoss li dawn b’xi mod jew ieħor huma relatati.
Fil-bidu tal-laqgħa l-MEUSAC għaddiet lill-Prim Ministru rapport li ħejjiet flimkien mas-social partners u s-soċjetà ċivili dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa tiegħu Dr Muscat ħeġġeġ lill-MEUSAC sabiex tkompli tesprimi il-fehmiet u l-prijoritajiet tagħha mhux biss lill-gvern iżda anke lill-membri parlamentari eletti f’isem pajjiżna.