Il-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista l-MŻPN akkuża lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia li mindu ħa t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista kompla jifred u jżied il-fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista.
Dan joħroġ minn rapport li tħejja mill-MŻPN li janalizza l-aħħar sentejn tal-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia u l-eżitu tal-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju li għadda fejn il-Partit Nazzjonalista ġarrab l-akbar żewġ telfiet elettorali fl-istorja tiegħu.
Ir-rapport li siltiet minnu ġew ippubblikati fil-maltatoday, jgħid fl-aħħar sentejn inħolqu gruppi biex jattakkaw u jintimidaw nies li ma jaqblux mat-tmexxija ta’ Delia.
“Sal-lum il-ġurnata, għadd ta’ persuni qegħdin jitwarrbu jew jiġu attakkati għas-sempliċi fatt li jesprimu fehma differenti minn dik tat-tmexxija. Dan hu inaċċettabbli u mhux biss dawwar lin-nies kontra t-tmexxija preżenti, iżda spiċċa ġġelled ukoll votanti fl-istess partit”, jgħid ir-rapport.
L-MŻPN akkuża wkoll li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista għamlet ħilitiha biex tiskreditha saħansitra bi stejjer qarrieqa fuq websites tal-aħbarijiet.
Ir-rapport iżid jgħid li tul das-sentejn, it-tmexxija ta’ Delia adotattat strateġija ta’ ifred u saltan. Qalet li huwa fatt magħruf li t-tmexxija preżenti adottat l-istrateġija ta’ aħna u huma sa mill-ewwel jum li Delia ħa tmexxija tal-partit. Qal li t-tmexxija qabbdet nies speċifiċi biex jassiguraw li l-poter jibqa’ f’idejn nies qrib it-tmexxija preżenti akkost ta’ kollox.
Iż-żgħżagħ tal-Partit Nazzjonalista żiedu jgħidu li ilhom konxji ta’ dawn il-manuvri li wħud minnhom ġraw fil-pubbliku, għal dawn l-aħħar 20 xahar.
Qalu li ċertu individwi li huma magħrufa sew għal dawn it-tattiċi u oħrajn li jippreferu jistaħbew wara subgħajhom, tqabbdu biex jassiguraw li l-firda li nħolqot b’riżultat tax-xogħol tagħhom, tirriżulta f’setgħa li m’għandhomx u li jeżerċitawha fil-kurituri tat-tieni u t-tielet sular tad-Dar Ċentrali.
B’mod partikolari l-MŻPN jakkuża lill-Kap tal-Midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Porteli u jgħid li wettaq żbalji li ma jinħafrux b’attakki strateġiċi fl-aħbarijiet ta’ NET NEWS u fil-gazzetti tal-partit. Issemmi wkoll l-attakki li wettqet it-tmexxija tal-partit fuq gazzetti bħal The Times of Malta u The Malta Independent li dejjem kienu jissimpatizzaw mal-Partit Nazzjonalista.
Fuq kollox itenni li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista fuq quddiem Adrian Delia għandhom jerfgħu r-responsabbiltà u jirriżenjaw. Jgħid li l-partit għandu jidentifika nies li jistgħu jgħaqqduh u mhux jheżżuh mill-qiegħ.
B’referenza ċara għal nies bħal Delia, Clyde Puli u Pierre Portelli, l-MŻN qal:“Jeħtieġ li l-partit jibni l-kredibilità tiegħu mill-ġdid…in-nies li qegħdin iżommuh lura għandhom jinbidlu ma’ oħrajn li jassiguraw li l-elettorat jibda jeħodna bis-serjetà”.