L-MDA tirreaġixxi dwar it-tiġrif ta’ binja fil-Mellieħa – One News

Notifiki

L-MDA tirreaġixxi dwar it-tiġrif ta’ binja fil-Mellieħa

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA, qalet li se tipproponi lill-Gvern u lill-awtoritajiet biex b’mod mandatorju jibda jsir sħarriġ ġeo-tekniku fuq kull sit ta’ kostruzzjoni li jkun se jiġi żviluppat.

Fi stqarrija, b’reazzjoni għall-inċident li seħħ is-Sibt li għadda fejn anzjana ħelsitha minn ħalq il-mewt wara li ġġarrfet binja ta’ erba’ sulari fil-Mellieħa, l-MDA qalet li malli saru jafu bl-aħbar, l-uffiċjali tagħha marru fuq il-post u ddiskutew dak li ġara b’kollaborazzjoni mal-iżviluppatur u l-perit tal-proġett.

Ingħad li s-sit kien ilu li ġie skavat u l-iżvilupp fuq is-sit kien miexi b’mod normali.

L-MDA qalet li mhix fil-kompetenza tagħha li tidentifika l-kawżi f’inċident bħal dawn, aktar u aktar f’każijiet fejn l-investigazzjonijiet xjentifiċi għadhom iridu jsiru minn professjonisti.

L-MDA qalet li l-periti rari ħafna jwettqu stħarriġ ġeotekniku fuq siti li jkunu se jiġu żviluppati. Fissret dan bħala nuqqas serju min-naħa tal-industrija tal-kostruzzjoni li ġej mill-mod tradizzjoni ta’ kif nibnu f’Malta.

Qalet li għalhekk se tipproponi lill-awtoritajiet li dawn l-istudji isiru obbligatorji u jkunu parti mill-proċess tal-permess għall-iżvilupp, kif isir f’bosta pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

L-MDA qalet li beħsiebha tirrakkomanda aktar inizjattivi biex tevita inċidenti bħal dak tas-Sibt li għadda. Qalet li hija determinata li tikkontribwixxi fit-tfassil tal-kodiċi tal-bini l-ġdid għal Malta fix-xhur li ġejjin.

L-Assoċjazzjoni tat ħajr lill-Uffiċċju tar-Regolament tal-Bini għall-għajnuna immedjata tagħhom u l-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, għall-interventi kuraġġużi tagħhom fuq ix-xena tal-inċident.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend