“Huwa l-akbar sodisfazzjon meta tara lill-pubbliku jipparteċipa fl-inizjattivi li qegħdin inħejju u noħolqu favur Malta dejjem aħjar. Bi pjaċir nistgħu nħabbru li din is-sena l-iskema ‘Irrestawra Darek’ ittieħdet mill-pubbliku f’temp ta’ siegħa biss – dan ifisser li fuq medda ta’ tliet snin ser inkunu investejna €23 miljun favur il-konservazzjoni tal-wirt arkitettoniku ta’ pajjiżna. Dan huwa sinjal ċar – sinjal li l-poplu jixtieq jinvesti fil-proprjetà tiegħu u sinjal li rridu nkomplu naħdmu flimkien biex nirrijabilitaw il-wirt kulturali li jagħmilna uniċi fid-dinja,” qal il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg.
Illum kienet il-ġurnata uffiċjali tal-ftuħ ta’ din l-iskema, u fl-ewwel siegħa, l-Awtorità tal-Ippjanar irċiviet aktar minn 750 sottomissjoni online b’talbiet li jammontaw għal aktar minn €8 miljun. Għalhekk, għal din is-sena l-iskema hija uffiċjalment magħluqa għar-residenzi privati f’Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana u f’binjiet residenzjali skedati fl-Ewwel jew fit-Tieni Grad. Sadanittant, l-Awtorità għadha qed taċċetta s-sottomissjonijiet għar-restawr u l-konservazzjoni tal-istreetscapes, kategorija ġdida li għandha €1 miljun riservat għaliha u li qed tħares lejn applikazzjonijiet li bħala mira għandhom il-konservazzjoni ta’ residenzi li jagħmlu parti minn triq waħda u unika. S’issa, l-Awtorità diġà rċiviet 12-il sottomissjoni ta’ dan it-tip.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius qal, “Din hija skema li fuq l-aħħar sentejn għenet lil aktar minn 1,700 resident. Sodisfatti li naraw aktar familji Maltin u Għawdxin jibbenefikaw minn dawn l-inizjattivi tant pożittivi li tħejji l-Awtorità tal-Ippjanar, u nħarsu ’l quddiem biex inkomplu naraw it-toroq Maltin jisbieħu b’faċċati miżmuma u kkonservati. Il-gvern se jibqa’ impenjat li jkompli jagħti għajnuna ta’ dan it-tip lil dawk kollha li jgħixu f’pajjiżna.”
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg qal, “Qatt ma rajna daqstant sottomissjonijiet online diħlin b’dan il-mod. Għat-tielet sena konsekuttiva, l-iskema ‘Irrestawra Darek’ kienet storja ta’ suċċess. Din id-domanda turi li r-residenti li jgħixu f’żoni ta’ konservazzjoni urbana u fi proprjetajiet storiċi għandhom ix-xewqa li jiżguraw li l-proprjetà tagħhom tkun miżmuma tajjeb u kkonservata.”