Il-Bank of Valletta jkompli jkabbar l-operat tiegħu f'Għawdex | One News

Notifiki

Il-Bank of Valletta jkompli jkabbar l-operat tiegħu f’Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana għamlet żjara uffiċjali fil-fergħa l-ġdida li l-Bank of Valletta ser jiftaħ fix-Xagħra u fl-investment centre ġdid li l-Bank għadu kemm fetaħ fiċ-ċentru tal-Belt Victoria.

Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-Bank of Valletta huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna u għaldaqstant hi l-missjoni tal-Gvern li jkompli jseddqa dan is-settur importanti biex ikompli jikber, jissaħħaħ u joħloq aktar impjiegi ta’ kwalità.

Il-Ministru Caruana stqarret li l-espansjoni tal-operat tal-Bank of Valletta f’Għawdex hija dikkjarazzjoni ċara ta’ impenn reċiproku bejn il-Gvern u l-Bank of Valletta fejn il-Bank qed jaqdi l-interessi tal-klijenti tiegħu u min-naħħa l-oħra l-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex: dik li jkompli jassigura tkabbir ekonomiku, opportunijiet ta’ investiment u fuq kollox li jkomplu jinħolqu aktar impjigi fis-settur finanzjarju.

Il-Ministru Caruana fakkret fuq il-ħidma li għaddejja biex titjieb il-konnettività, kemm dik fiżika u kemm virtwali bejn il-gżejjer. ‘Qed naraw kif b’konnettività iktar b’saħħitha u bil-preżenza ta’ key stakeholders f’Għawdex ser naraw svolta ukoll fl-industrija bankarja u fis-servizzi finanzjarji fejn qed naspiraw li jkollna setturi fintech u teknologiji bħal- artificial intelligence, quantum, internet of things, big data, e-sports u oħrajn’, qalet il-Ministru għal Għawdex.

Il-Ministru Justyne Caruana faħħret l-impenn tal-Bank of Valletta fejn matul dawn l-aħħra snin investa bis-sħiħ fuq il-kapital uman fil-gżira Għawdxija u dan wassal biex il-bank kabbar l-operat kemm fil-front office kif ukoll fil-back office operations fejn illum il-ġurnata, il-Bank qed jimpjega 117-il ħaddiem Għawdxi.

Ritratti: MGOZ

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend