Leone Goes Pop: Spettaklu uniku – One News

Notifiki

Leone Goes Pop: Spettaklu uniku

Is-Soċjetà Filarmonika Leone A.D. 1863 tellgħet l-ispettaklu annwali tagħha Leone Goes Pop nhar il-Ħamis 6 ta’ Ġunju 2019. Din it-tnax-il edizzjoni tal-kunċert spettakolari fl-apert ġibdet follol kbar ta’ nies li mlew kull rokna tal-pjazza ewlenija tal-Belt Victoria ta’ Għawdex.

Dan l-ispettaklu, bis-sehem tal-Banda Ċittadina Leone, taħt id-direzzjoni ta’ Colin Attard, offra spettaklu uniku ta’ ‘l fuq minn 90 minuta ta’ mużika pop u rock minn diversi żminijiet, imżewqa f’wirja ta’ arti varjata. Flimkien mal-kantanti rinomati u stabbiliti Amber u Chris Grech, ingħaqdu l-kantanti Għawdxin Mario Caruana u ż-żgħażagħ promittenti Sarah Bonnici u Denise Mercieca, flimkien mal-Aurora Youth Choir.

It-tim tal-produzzjoni ma naqasx milli jżewwaq l-ispettaklu bl-involviment ta’ grupp ta’ fire-jugglers professjonali u l-iskola taż-żfin lokali Centre Stage Dance Academy, flimkien mal-wirja tal-logħob tan-nar tal-ajru sinkronizzat mal-mużika, li mela s-smewwiet tal-Gżira Għawdxija bl-isbaħ kuluri sabiex ikompli jsebbaħ l-atmosfera fi Pjazza Indipendenza.

Is-Soċjetà dejjem tara li l-produzzjoniet mużikali li hija tagħmel ikomplu jkattru s-settur artistiku ta’ pajjiżna, u temmen li dan l-ispettaklu huwa ferm importanti sabiex it-tessut kulturali ta’ Għawdex u Malta jissaħħaħ.

Dan il-kunċert ittella’ bħala parti mill-programm t’attivitajiet Gozo Pops and Rocks mill-Ministeru għal Għawdex u parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Belt Victoria mill-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria. L-ispettaklu kien ukoll mejjun bis-sapport ta’ Distinct Homes, Cisk, Kinnie u Citadel Insurance.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend