Mijiet ta’ tobba f’Malta ngħaqdu flimkien fi grupp biex jappellaw favur il-ħajja.
Fi stqarrija, il-grupp bl-isem “Tobba Favur il-Ħajja” sostnew li kull ħajja hija prezzjuża.
It-tobba qalu li qed jimpenjaw ruħhom biex jgħarrfu lill-pubbliku Malti dwar il-veritajiet xjentifiċi fuq il-ħajja qabel it-twelid.
Qalu li iktar minn 670 tabib u tabiba ffirmaw dikjarazzjoni li fiha stqarrew li permezz tal-proċess ta’ fertilizzazzjoni, tkun qed tifforma ħajja ġdida, li għandha identità ġenetika kompluta u unika, u li hi distinta minn dik tal-ġenituri tagħha.
Id-dikjarazzjoni tistqarr ukoll li kull ħajja umana għandha titħalla tilħaq il-milja tagħha sakemm titwieled, jew sakemm iċ-ċirkostanzi naturali jwasslu għat-telfien tagħha.
It-tobba jirrikonoxxu iżda, li f’ċerti sitwazzjonijiet straordinarji, interventi mediċi intenzjonati biex isalvaw il-ħajja tal-omm jistgħu jwasslu għat-telf tat-tarbija. Minn dawn is-670 tabib u tabiba, il-maġġoranza tagħhom għażlu li isimhom jixxandar b’mod pubbliku biex ikomplu juru l-konvinzjoni tagħhom fid-difiża tal-ħajja umana.
Il-grupp isostni li kull ħajja umana tixirqilha tgħix ħajja ta’ dinjità, mingħajr distinzjoni. Ċaħdu b’mod kategoriku kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra l-ulied fil-ġuf, kemm fuq bażi ta’ ġeneru, stadju ta’ żvilupp jew diżabbiltà.
It-tobba tennew li l-għan tagħhom huwa li jiddefendu d-dinjita’ tal-omm u t-tarbija fil-ġuf, għax it-tnejn jixirqilhom hekk.
L-istqarrija ttenni tgħid li din il-pożizzjoni mhix xi waħda astratta jew teoretika, imma li t-tobba kollha jgħixuha f’ħidmiethom ta’ kuljum, bl-interventi li jagħmlu fuq il-pazjenti fl-isptarijiet, il-kliniċi u fid-djar tagħhom.
F’dan kollu, it-tobba qalu li jiddedikaw l-enerġija u l-għarfien tagħhom biex il-ħajja umana tkun salvata u protetta.
Qalu li l-missjoni favur il-ħajja hija fil-qofol tal-ħidma tat-tobba, u tidher bis-sħiħ meta jagħmlu kull sforz biex isalvaw il-ħajja tal-iċken tarbija mwielda kmieni. Għaldaqstant, it-tobba ddikjaraw bi sħiħ il-pożizzjoni tagħhom favur il-ħajja u kontra l-abort.