Fl-ewwel tliet xhur tas-sena, in-negozji privati f’pajjiżna flimkien mas-settur pubbliku, investew €520 miljun. Dan ifisser żieda ta’ €125 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet u l-ogħla rata ta’ investiment f’dan il-perjodu minn kemm ilha tinġabar l-istatistika.
Fil-fatt, dan it-tip ta’ investiment kien wieħed mill-muturi ewlenin wara t-tkabbir ekonomiku li rreġistra pajjiżna fl-ewwel kwart ta’ din is-sena. Tkabbir ekonomiku li huwa tliet darbiet iktar mill-medja Ewropea. Pajjiżna ilu għal dawn l-aħħar snin jara titjib fil-livell ta’ investiment.
Fil-fatt, tul l-aħħar snin ta’ Gvern Laburista r-rata ta’ investiment kienet dejjem ikbar mill-aħjar rata tal-aħħar Gvernijiet Nazzjonalista. Fost oħrajn dan seħħ anke għax tnisslet fiduċja fl-ekonomija Maltija. Fil-fatt, il-profitti tal-azjendi fl-ewwel kwart tas-sena żdiedu b’9% iktar jew aħjar €125 miljun iktar.
Dan jawgura tajjeb għas-sostenibbiltà tat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna li baqa’ wieħed b’saħħtu tant li fl-ewwel kwart tal-2019 ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku laħqet l-4.9%, li kienet l-ogħla rata osservata fost il-pajjiżi taż-żona ewro, u għal darba oħra tliet darbiet ikbar mill-medja Ewropea. Fattur ieħor għal dan it-tkabbir ekonomiku kienet iż-żieda qawwija fil-konsum privat xprunat minn tkabbir sostanzjali fid-dħul tal-ħaddiema.
Fil-fatt, fl-ewwel kwart tal-2019 il-pagi f’pajjiżna kienu €72 miljun ogħla milli kienu sena qabel, żieda ta’ 6%. Riżultat ta’ dan it-titjib sostanzjali fid-dħul, l-istatistika uffiċjali turi li l-konsum privat żdied bi kważi 4%, wara li tneħħi l-effett tal-għoli tal-ħajja. Ta’ min ifakkar li fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern kien hemm tnaqqis ta’ 0.5% fil-konsum privat. It-tkabbir ekonomiku kien mifrux ħafna. L-akbar tkabbir kien fis-settur ta’ servizzi professjonali u amministrattivi, li ra żieda ta’ €43 miljun jew 12%.
Is-settur tal-gaming kabbar l-operat b’€36 miljun, jew 9%, filwaqt li l-oqsma tar-retail u tal-lukandi u ristoranti kibru b’€25 miljun, jew 5%. Il-valur miżjud fil-manifattura kiber b’€7 miljun, filwaqt li fil-kostruzzjoni kien hemm żieda ta’ €12il miljun. Is-settur finanzjarju kiber bi €11-il miljun, jew bi kważi 6.5%.
It-tkabbir qawwi fis-settur privat qed iwassal għal tnaqqis fid-dipendenza ta’ pajjiżna fuq l-ispiża tal-Gvern. Fil-fatt, il-konsum tal-Gvern kien 18.6% tal-ġid nazzjonali, kontra 21% fl-aħħar sena qabel il-bidla filgvern. Dan jispjega għalfejn pajjiżna bħalissa għandu surplus fil-finanzi pubbliċi, kontra d-defiċit eċċessiv li kellu fil-passat.