Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet il-kunċert annwali Big Band Adventures, liema kunċert jittella’ mis-Soċjetà Filarmonika Mnarja tan-Nadur.
Dan l-avveniment tnieda f’konferenza tal-aħbarijiet fil-misraħ ewlieni tan-Nadur, Għawdex, u indirizzat mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, mis-Sindku tan-Nadur Edward Said, mill-President tas-Soċjetà James Buttigieg u mis-Surmast Joseph Grech, direttur mużikali tas-Soċjetà Filarmonika Mnarja.
Il-Ministru Justyne Caruana ddeskriviet l-inizjattiva tal-Banda Mnarja bħala tappa importanti li ta’ kull sena din is-soċjetà qed tkompli tinvesti u tkabbar biex illum saret wieħed mill-avvenimenti ewlenin mhux biss ta’ din l-għaqda imma wkoll fil-kalendarju kulturali Għawdxi. Il-Ministru Caruana faħħret l-impenn, is-serjetà u l-organizzazzjoni li tadotta s-Soċjetà Filarmonika Mnarja. Fakkret li din is-soċjetà applikat u bbenefikat ukoll mill-iskema li nieda l-Ministeru għal Għawdex, dik tal-Cultural Events Fund. Hu impenn tal-Ministeru għal Għawdex li nkomplu ninvestu fl-għaqdiet u fit-talent lokali biex Għawdex jiġi magħżul bħala destinazzjoni matul is-sena kollha.
Is-Sindku Edward Said qal li dan il-kunċert żgur ikompli jgħolli isem in-Nadur u isem il-gżira Għawdxija. Edwar Said spjega li bħala kunsill lokali hemm qbil unanimu li avvenimenti bħal dawn ikollhom l-appoġġ kollu neċessarju u dan għax ikomplu jkattru u jrawmu l-kultura fost ir-residenti Nadurin.
Il-President tas-Soċjetà Filarmonika Mnarja James Buttigieg irringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex li emmen f’din l-attività u qed jagħti l-appoġġ tiegħu biex tirnexxi. Hu qal li attivitajiet bħal dawn ikomplu jagħtu valur miżjud lil Għawdex u fakkar li din hi s-27 edizzjoni ta’ dan il-kunċert.
Il-kunċert bl-isem ta’ Big Band Adventures se jsir nhar is-Sibt, 15 ta’ Ġunju 2019 fi Pjazza San Pietru u San Pawl fin-Nadur, fid-9.00pm.