F’Ġunju ta’ din is-sena jaħbat iċ-ċentinarju minn wieħed mill-aktar mumenti deċiżivi fl-istorja riċenti ta’ Malta – l-rvellijiet tas-‘Sette Giugno’.
L-anniversarju jfakkar il-ġrajjiet li seħħew madwar is-7 ta’ Ġunju tal-1919, fiż-żmien ta’ wara l-Ewwel Gwerra Dinjija – meta, wara serje ta’ irvellijiet mill-poplu Malti, suldati Ingliżi sparaw fuq il-folla u qatlu erbgħa min-nies pajżana.
Fl-okkażjoni tat-tnedija ta’ ktieb kommemorattiv, intitolat ‘Sette Giugno, Ċentinarju – L-Ewwel Pass Lejn Stat Sovran’, ġie mtella’ simpożju nhar it-Tlieta 4 ta’ Ġunju, fil-Berġa ta’ Kastilja fil-Belt Valletta – taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Din kienet waħda minn serje ta’ attivitajiet organizzati mill-aġenzija tal-gvern Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali (FĊN) bl-għan li jiġu mfakkra anniversarji storiċi ta’ importanza nazzjonali u internazzjonali.
Il-ktieb, miktub bil-Malti u editjat mill-Prof. Raymond Mangion, ġie ppubblikat mill-FĊN u jinkludi numru ta’ artikli mill-pinna ta’ esperti li analizzaw il-kawża u l-konsegwenzi ta’ dawn l-irvellijiet storiċi u l-impatt tagħhom tul is-snin.
Il-Prof. Mangion qal li hu kburi b’din il-pubblikazzjoni. “Ktieb jibqa’ għal dejjem. Id-dinja tal-istampar, flimkien mal-kotba in ġenerali, huma immortali. Ktieb huwa memorja li ma tmut qatt.”
Madwar il-mejda tad-diskussjoni kien hemm grupp ta’ kelliema prominenti – fosthom l-awtur u akkademiku Godfrey Pirotta, il-filosofu, awtur u poeta Joe Friggieri, il-Membru tal-Parlament Ewropew u ex prim ministru Alfred Sant, u l-ex Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur Tonio Borg – li ddiskutew uħud mill-kitbiet oriġinali li hemm fil-ktieb.
Il-Prof. Friggieri qal: “Biex nifhmu l-importanza ta’ din id-data rridu nħarsu lejn x’wassal għaliha kif ukoll lejn x’ġara wara. Il-kisba ta’ gvern responsabbli (self-government) kienet konsegwenza immedjata. Ridna nkunu indipendenti u Malta kisbet il-Kostituzzjoni tagħha.”
Il-Prof. Pirotta qal li llum qed niddiskutu dak li ma kienx diskuss mitt sena ilu – sitwazzjoni li kellha bżonn rimedju immedjat. “Kienet kriżi enormi, għax il-Gvern Ingliż ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel. Il-mexxejja ta’ dak iż-żmien kienu dawk li bidlu l-ekonomija ta’ Malta. Bnew il-pedamenti biex Malta tiżviluppa, ikollha l-gvern tagħha u tnissel demokrazija.”
Dr Sant qal li hemm bżonn li naraw x’qed jiġri f’Malta llum, għax is-sitwazzjoni mhix wisq differenti minn dik ta’ 100 sena ilu. “Hemm bżonn li niffukaw fuq l-essenza tas-soċjetà. Malta kienet imfawra bil-barranin fi żmien il-Kavallieri, kif inhi wkoll illum. L-influwenza barranija kellha effett fuq dak li ġara fis-7 ta’ Ġunju tal-1919. L-Ingliżi kienu qed jitħallsu ħames darbiet aktar mill-Maltin. Dan wassal għall-istrajkijiet tat-trade unions, li minnhom imbagħad nibtet il-General Workers Union.”
Dr Borg qal li l-irvellijiet ma kinux biss dwar il-ħobż. “L-ikbar kwistjoni politika wasslet biex sa sentejn wara bdejna niggvernaw lilna nfusna.”
Hu u jindirizza l-parteċipanti fit-tmiem tas-simpożju, Dr Muscat qal li hu minn dejjem kellu kurżità kbira dwar is-‘Sette Giugno’. “Minn dejjem kont affaxxinat mill-fatt li kienu l-vittmi, in-nies komuni, dawk li sofrew. Jien kburi u kuntent li nista’ nitgħallem u ngħaddi ‘l ħaddieħor dak li tgħallimt illum. Dan il-ktieb se jkabbar l-għarfien tal-Maltin dwar dak li ġara f’dik il-ġurnata deċiżiva.”
Min jixtieq jieħu sehem fl-attivitajiet li għaddejjin biex ifakkru s-‘Sette Giugno’ jista’ jżur wirja mtellgħa minn Heritage Malta, f’kollaborazzjoni mal-Kamra tar-Rappreżentanti, li jisimha ‘Culhat Al Belt’, li se tibqa’ miftuħa sal-Erbgħa, 31 ta’ Lulju fil-bini tal-Parlament, il-Belt Valletta; u l-musical ‘VII (Sette)’ mtella’ minn Teatru Malta, b’rappreżentazzjonijiet fis-7, 8, 9, 14, 15 u 16 ta’ Ġunju fil-Forti Sant’Iermu, il-Belt Valletta. Għall-biljetti żur https://www.kultura.mt/en/events/vii-sette-Mzc2.