L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali reġaw ġabu fuq il-Korp tal-Pulizija ħidma ma taqta’ xejn. Ħidma li involviet aktar minn minn elfejn uffiċjal fil-korp. Dan kien jinvolvi t-tqassim tad-dokumenti tal-vot, l-ippjannar tal-attivitajiet tal-partiti u s-sorveljanza tal-proċess elettorali fosthom fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar.
L-Assistent Kummissarju Ramon Mercieca li kien responsabbli ta’ dan il-proċess, jgħid kif is-sistema l-ġdida elettronika li ntużat għall-għadd tal-voti tat nifs lill-uffiċjali tal-Pulizija.
Huwa qal li “Permezz ta’ din is-sistema elettronika frankajna ammont kbir ta’ Pulizija li kellhu jorqod fil-‘counting hall’, kienu ftit in-nies li raqdu hemmhekk, madwar 20 persuna kollox. Kif ukoll ir-riżultat u l-proċess tħaffef fejn ir-riżultalti ħarġu l-għada tal-elezzjoni. Allura r-riżorsi tal-Pulizija setgħu jiġu impjegati b’mod aħjar u għaqli u użajnihom barra anke jekk ikun hemm xi ċelebrazzjoni.”
Is-Sur Mercieca spjega li fis-sala tal-għadd tal-voti kien hemm madwar 200 uffiċjal tal-Pulizija fost il-mijiet ta’ aġendi tal-partiti. Qal li x-xogħol tal-Pulizija beda ‘l għada li nħareġ ir-writ tal-elezzjoni fit-8 ta’ April, fejn tul Mejju beda jsir it-tqassim tad-dokumenti tal-vot bieb bieb. Il-ħidma baqgħet għaddejja sa’ ġimgħa wara l-elezzjoni meta ġew magħduda l-voti tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. L-Assistent Kummissarju Mercieca jinnota li l-ħidma tal-Pulizija kienet waħda ta’ suċċess.
Qal li “On the whole kienet wieħed kwiet ħafna, ma kellniex problemi, sar bl-aktar mod kwiet, il-voti ma kellniex inċidenti kien hemm postijiet bi kju u oħrajn le u ġewwa l-counting hall kollox mar sewwa”
Minkejja li f’din l-kampanja elettorali ftit li xejn kellna attivitajiet kbar tal-massa, xorta kienu jisru laqgħat bejn rappreżentanti tal-partiti u l-Pulizija biex l-attivitajiet taħt it-tined, ma jsirux fl-istess inħawi u biex jiġu evitati l-inċidenti. Is-Sur Mercieca jgħid li minkejja li ma sarux attivitajiet tal-massa, ix-xogħol pulizjesk kien akbar f’dak li għandu x’jaqsam mal-proċess elettorali.
Is-Sur Mercieca ddikjara li “peress li l-elezzjoni kienet doppja, kellek il-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta u Għawdex għall-ewwel darba flimkien mall-elezjzoni tal-MEPs u anke n-nie sta’ 16 il-sena. Kellek ammont kbir ta’ voti. Jiġifieri jien naħseb li kellna iżjed xogħol minn elezzjoni ġenerali.”
Is-Sur Mercieca qal li flimkien mal-Pulizija f’dawn l-elezzjonijiet taw sehemhom ukoll il-Forzi Armati ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Fost oħrajn xogħol il-Forzi Armati kien li qabel jibda l-proċess elettorali jaraw li ma hemm l-ebda splussiv fis-Sala, permezz ta’ ‘sweeping’ tal-istess Sala. Din imbagħad tibqa’ tiġi priservata mill-Pulizija fil-ġranet tal-għadd tal-voti.