L-innovazzjoni se tkun fiċ-ċentru tal-industrija tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna.
Saħaq dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li ndirizza l-konferenza annwali ta’ Finance Malta.
Il-Prim Ministru qal li din l-ambizzjoni mhix riflessa biss fil-bżonn li pajjiżna jkun attraenti f’din l-industrija, iżda hi riflessa wkoll fl-istorja. Dan għaliex pajjiżna dejjem iggwadanja kull meta kien innovattiv.
Fisser l-opinjoni tiegħu li l-innovazzjoni hija l-abilità li wieħed ikun lest li jieħu riskji kemm fin-negozju kif ukoll fil-ħajja.
Din l-innovazzjoni f’pajjiżna wasslet biex tkabbret l-ekonomija diġitali ħalli tkun lesta għall-futur. Dan hekk kif l-industriji tas-servizzi finanzjarji tal-għaxar snin li ġejjin se jkunu differenti ferm minn dawk tal-aħħar deċenju.
Teknoloġiji ġodda li jiġu żviluppati minn din l-innovazzjoni iwasslu biex jidħlu entitajiet u intrapriżi ġodda fil-qasam tas-settur finanzjarji li jkabbru l-kompetizzjoni.
Dan huwa possibli, sostna l-Prim Ministru, għax f’pajjiżna nħoloq l-aqwa ambjent possibbli.
Dr Muscat tkellem ukoll dwar il-ħidma tal-Gvern fis-settur tal-fintech, fejn qal li pajjiżna għandu diversi vantaġġi fosthom qafas regolatorju serju.
Il-pass li jmiss se jkunu d-diskussjonijiet mal-istakeholders kollha sabiex issir realtà l-ħolma li pajjiżna jkun hub ta’ din it-teknoloġija finanzjarja.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri spjega li pajjiżna huwa wieħed li qed jevolvi ruħu kontinwament permezz tal-innovazzjoni.
Semma kif is-servizzi finanzjarji huma xhieda ta’ dan, hekk kif sar wieħed iktar divers – b’oqsma li ddaħħlu fl-aħħar snin bħal blockchain u distributed ledger technologies.
Huwa saħaq li d-diskussjoni dwar l-istrateġija għas-servizzi finanzjarji fl-għaxar snin li ġejjin trid tkun waħda li tinvolvi l-istakeholders kollha – bil-gvern, l-MFSA u l-entitajiet fis-settur.
Schembri qal li hekk kif ninsabu fil-bidu tar-rivoluzzjoni teknoloġika, pajjiżna irid ifittex il-potenzjal li l-innovazzjoni toffri. Semma b’eżempju li wara li pajjiżna b’suċċess akkwista l-fama tal-blockchain island, irridu issa naħdmu ħalli nkunu mal-ewwel għaxar pajjiżi fid-dinja bl-istrateġija għall-intelliġenza artifiċjali.
Issa fit-12-il edizzjoni tagħha, din il-konferenza tlaqqa professjonisti fis-servizzi finazjarji fejn jingħataw dettalji dwar żviluppi fis-settur fuq livell lokali u internazzjonali.
Mistoqsi mill-ġurnalisti fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li jinsab sodisfatt li għal sena oħra l-lista ta’ rakkomandazzjonjiet mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta’ pajjiżna kompliet tonqos.
Mitlub jikkumenta dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea rigward is-sistema tat-tassazzjoni, Dr Muscat qal li l-Kumissjoni għandha tifhem li din hija kompetenza nazzjonali.
“Ir-reazzjoni tal-pajjiżi kollha, jekk hux l-Olanda, l-Irlanda jew il-Lussemburgu, kienet l-istess li dik hija kompetenza nazzjonali, ma naqblux ma’ dik l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea u nkomplu nikkonvinċu f’dan ir-rigward. Xorta tibqa’ kompetenza ta’ Malta li tiddeċiedi fir-rigward ta’ taxxa,” spjega Dr Muscat.
Mistoqsi wkoll dwar il-kriżi fl-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru qal li biex wieħed ikun jista jmexxi pajjiż, l-ewwel irid ikun kapaċi jmexxi l-partit.