Is-6 ta’ Ġunju 2008. Data kruċjali li mmarkat il-bidu ta’ kapitlu mill-isbaħ għall-Partit Laburista.
Partit li nbidel f’Partit rebbieħ, frott l-għażla għaqlija li għamlu d-delegati tal-Partit Laburista meta ħdax-il sena ilu għażlu lil Joseph Muscat bħalha l-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista.
Bl-għajta “Ġenerazzjoni Rebbieħa”, dakinhar Jospeh Muscat fl-età zgħazugħa ta’ erbgħa u tletin sena, kien qal li l-viżjoni tiegħu hija li jiftaħ staġun politiku ġdid għall-pajjiżna. Iżda fuq kollox, ried li jagħmel lill-Partit Laburista Partit rebbieħ.
Bil-poplu Malti u Għawdxi, emmen u afda f’Joseph Muscat, li tah mandat elettorali b’saħħtu u storiku, f’elezzjoni waħda wara l-oħra.
F’dawn il-11-il sena, Joseph Muscat rebaħ għaxar elezzjonijiet. Bil-poplu Malti f’10 elezzjonijiet għażel dejjem lil Muscat u mhux lit-tliet Kapijiet Nazzjonalisti Lawrence Gonzi, Simon Busuttil u Adrian Delia.
L-ewwel rebħa waslet fl-ewwel sena tiegħu ta’ Mexxej Laburista, meta fl-2009 rebaħ b’35,400 maġġoranza fuq il-Partit Nazzjonalista, fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Minn dakinhar, b’determinazzjoni, ikkomunika l-vizjoni tiegħu li xtaq għall-pajjiżna. Viżjoni imsejsa fuq l-għaqda.
Bil-poplu emmen f’din il-vizjoni u għazlu sabiex isir il-Prim Ministru ta’ Malta, fl-elezzjoni ġenerali tal-2013 b’maġġoranza ta’ 36,000 vot fuq il-Partit Nazzjonalista.
Minn hemm bdiet ħidma li wasslet sabiex saru riformi kbar f’kull qasam tas-soċjetà li kienu ilhom meħtieġa snin. Fuq quddiem riformi fil-qasam tad-drittijiet ċivili u persuni tal-istess sess li ngħataw bosta drittijiet li lanqas qatt ma kienu joħolmu f’mitt sena bħal dak ta’ żwieġ indaqs.
Raħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji u n-negozji. Pajjizna waqaf juża l-aktar żejt li jniġġes, il-heavy fuel oil u qaleb għall-gass.
Żied il-pensjonijiet għall-anzjani u l-paga minima wara 25 sena.
Emmen fl-abbiltà tal-Persuni b’diżabbiltà u ddaħħlu fid-dinja tax-xogħol.
Minn defiċit l-ekonomija Maltija irreġistrat surplus u Malta għandha l-ikbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Iżda quddiem dawn il-mizuri li bidlu ħajjet il-Maltin u l-Għawdxin, Muscat b’umiltà reġa qgħad għall-ġudizzju tal-elettorat fl-2017.
Bl-elettorat reġa’ għażel lil Joseph Muscat. Għażel l-għaqda fuq il-firda li żera’ l-ex Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, li beda kampanja sabiex l-Partit Nazzjonalista jmur jaħdem kontra Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej. Emmen lil Joseph Muscat u mhux il-gidba Egrant.
Bil-ħidma kompliet, u ġimgħatejn ilu l-elettorat reġa ta’ mandat b’saħħtu ta’ fiduċja f’Joseph Muscat u fit-tim tiegħu.
B’rebħa storika għall-Partit Laburista b’maġġranza ta’ 42,000 fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u b’maġġoranza akbar ta’ 47,000 fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.
Il-poplu reġa għazel lil Joseph Muscat, li għandu lil Malta f’qalbu, u mhux lil Adrian Delia – negattiv u sfiduċjat mid-deputati tiegħu stess.