Il-fergħa tal-anzjani tal-Partit Nazzjonalista l-APAN akkużat lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li qiegħda tipprova taħbi r-realtà tat-telfa elettorali tal-25 ta’ Mejju li għadda.
Fi stqarrija maħruġa mill-email personali tal-Presdient tal-APAN Remigio Bartolo, kunsillier f’Ħ’Attard u ex segretarju privat tal-ex Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi, ingħad li l-pajjiż għandu bżonn Oppożizzjoni magħquda.
L-istqarrija li kienet approvata b’mod unanimu mill-Kumitat Eżekuttiv tal-APAN qalet li t-tmexxija tal-partit tista’ tikseb biss il-fiduċja tal-poplu jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed.
Fl-isfond tal-ġlied fil-miftuħ fuq il-midja soċjali bejn esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista, Bartolo qal li dawn għandhom jieqfu jperrċu d-differenzi mal-erbat irjieħ.
Hawn iddikkjara li l-fiduċja fil-Partit Nazzjonalista tista’ tinkiseb biss jekk il-partit jikun magħqud u kredibbli.
Fid-dawl tal-fatt li t-tmexxija Nazzjonalista, fuq quddiem Clyde Puli pprova jċekken it-telfa enormi li ġarrab il-Partit Nazzjonalista, Bartolo qal li biex il-partit ikun kredibbli, għandu l-ewwel jaċċetta r-realtà tat-telfa tal-25 ta’ Mejju u ma jippruvax jaħbiha taħt it-tapit.
Fid-dawl tas-sejħa li saret minn Gonzi biex Delia jitlob vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu, Bartolo sostna li għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn, iebsin kemm huma iebsin, u fl-aħjar interess tal-Partit u mhux ta’ xi aġenda personali.
Dan biex skontu l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun vera il-Partit tal-poplu.