Daħal f’fażi oħra kruċjali l-proġett tal-Junction tal-Marsa wara li fl-aħħar sigħat bdew jitpoġġew f’posthom l-ewwel minn tliet mija u ħamsin travu li se jiffurmaw il-qafas tal-karreġġjati f’dan l-ikbar proġett infrastrutturali li qatt ra pajjiżna.
F’dan il-proġett b’investiment ta’ €70 miljun se jkunu qed jitneħħew darba għal dejjem it-traffic lights tal-inħawi taċ-ċimiterju tal-Addolorata.
Minflokom se jitpoġġew seba’ strutturi f’din il-ħolqa importanti tal-pajjiż li minnha jgħaddu mal-120,000 vettura kuljum
It-travi qed jitpoġġew fuq 14-il kolonna li nbnew fl-aħħar ġimgħat. Flimkien dawn se jiffurmaw parti mill-ewwel pont li minn fuq se jgħaddu l-vetturi minn Triq Garibaldi sa Triq Aldo Moro. Dan il-pont se jitlesta sal-aħħar tas-sajf.
Il-Perit tal-proġett Raphael Abdilla spjega li bejn kull kolonna qegħdin jitpoġġew 14-il travu li se jiffurmaw triq b’erba’ korsiji, u li t-travi jvarjaw minn konkos għall-azzar.
“Fuq sitta u għoxrin metru tul, u jiżen 36 tunnellata. Hemm 350 travu b’kollox illi jkopru kemm travi tal-azzar li ħa jkunu qed jintużaw fil-kurvi u kif ukoll travi dritti simili ta’ dawn li tpoġġew illum.”
Fi żjara fuq is-sit il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega l-importanza u l-bidla għall-aħjar li dan il-proġett se jġib għal dawk kollha li jagħmlu użu minn dan il-kuritur tal-pajjiż, speċjalment dawk fin-naħa t’isfel ta’ pajjiżna.
“Dan l-ewwel bridge li se nkunu qegħdin nagħtu lill-poplu, min-naħa ta’ Aldo Moro lejn Garibaldi. Bridge li ser ikun qed jiffaċilità l-ħajja tan-nies. Irridu li n-nies inaqqsu d-dewmien tagħhom fit-toroq tagħna, inaqsu dik l-esperjenza frustranti li jeħlu fit-traffiku. Iktar dewmien ifisser iżjed emissjonijiet jiġifieri ħaġa ġġib lill-oħra.”
Dr Borg fisser kif it-travi tal-konkos qed jinħadmu fl-eks sit tal-Malta Shipbuilding.
Qal li dan qed iwassal għal inqas skariġġ u iżjed sigurtà anke waqt il-fażi ta’ kostruzzjoni.
Il-Ministru Borg qal kif dan il-proġett miexi skont iż-żmien stipulat u skont il-baġit allokat. Tenna li dan il-proġett huwa xhieda tal-ħidma tal-gvern li jisma’ lin-nies u li tittieħed azzjoni fejn meħtieġ.