Mhux veru li l-maġġoranza tal-għalliema tas-sekondarja għandhom load massimu ta’ 25 lezzjoni fil-ġimgħa – One News

Notifiki

Mhux veru li l-maġġoranza tal-għalliema tas-sekondarja għandhom load massimu ta’ 25 lezzjoni fil-ġimgħa

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol laqa’ u beda jimplimenta s-sbatax-il proposta li l-MUT ressqet u li kienu diskussi mal-ministeru fit-12 ta’ April 2019, inkluż f’laqgħa li saret ftit tal-ġimgħat ilu u anke formalment bil-miktub. Dan apparti li ttieħdu miżuri addizzjonali mill-ministeru biex jiżdiedu l-għalliema matul din is-sena skolastika.

Huwa skorrett li tingħata l-impressjoni li hemm maġġoranza, jew hija n-norma, li għalliema tas-sekondarja għandhom load massimu ta’ 25 lezzjoni fil-ġimgħa. Lanqas mhu ġust li ma jissemmiex li tnaqqset lezzjoni lill-għalliema kollha bil-ftehim settorali. Fil-fatt, huma biss ħdax-il għalliem minn 176 fil-Malti, u wieħed minn kull erbgħa għalliema fil-Matematika li għandhom 25 lezzjoni fil-ġimgħa. Ta’ min jiċċara li l-load massimu huwa fil-parametri tal-ftehim settorali (Klawsola 12.1 (ii), paġna 22), ġaladarba dawn huma każijiet eċċezjonali. Mill-għalliema fl-iskejjel medji u sekondarji, huma biss 3.5% li għandhom dan il-load u proprju għalhekk huma każijiet uniċi.

Fid-dawl tal-fatt li hemm biss 3.5% tal-għalliema fuq load ta’ 25 lezzjoni, u fid-dawl tal-fatt li l-ministeru ħa bosta azzjonijiet li bihom diġà ngaġġa għalliema ġodda għas-sena skolastika li jmiss, u laqa’ u beda jimplimenta s-sbatax-il proposta tal-MUT, il-ministeru jerġa’ jistieden lill-MUT tikkunsidra d-deċiżjoni biex jiġu sospiżi d-direttivi.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-ministeru dejjem kien ċar li hu jrid li l-eżamijiet isiru.

L-MUT qed tonqos milli ssemmi li mid-data tad-direttiva tagħha, il-ministeru ħa numru ta’ azzjonijiet li qatt qabel ma kienu ttieħdu, inkluż li s-sejħa għall-għalliema nħarġet ferm qabel iż-żmien u saħansitra diġà ġew ingaġġati l-għalliema kollha eliġibbli tal-Malti u tal-Matematika u li qagħdu b’suċċess għall-interview. Is-sejħa tibqa’ waħda miftuħa matul is-sena wkoll.

L-MUT naqset ukoll milli ssemmi li fuq talba tal-ministeru saru żewġ laqgħat ta’ konċiljazzjoni dwar dan is-suġġett u wara li l-punti kienu ċċarati, l-MUT talbet li tistenna l-pożizzjoni tal-ministeru fuq is-sbatax-il proposta li tressqu wara l-ewwel laqgħa ta’ konċiljazzjoni li saret fid-9 ta’ April 2019.

Għandna lkoll dmir li nissalvagwardjaw il-ġid ta’ din il-vokazzjoni u l-interessi tal-istudenti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend