19-il organizzazzjoni mhux governattiva, akkademiċi u individwi ħeġġew lill-membri parlamentari Maltin sabiex jaddottaw miżuri pożittivi li jwasslu għall-parlament b’rappreżentanza ekwa bejn is-sessi.
Huma nnotaw li minkejja l-azzjoni pożittiva li ttieħdet mill-partiti ewlenin u xi suċċessi li nkisbu, għad hemm ħafna xkiel għan-nisa fil-politika u li mill-1947 lil hawn ftit sar progress.
Dan hu rifless fil-fatt li Malta tinsab ta’ qabel tal-aħħar mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ma’ dak li għandu x’jaqsam ma’ rappreżentanza feminili.
Saħqu li parlament inklussiv huwa kruċjali sabiex il-bżonnijiet, l-isfidi, l-aspirazzjonijiet u l-ideat tan-nisa jintlaħqu. M’huwiex ġustifikat li ħamsa u tmenin fil-mija tas-siġġijiet parlamentari huma okkupati mill-irġiel.
Huma qablu ma’ studju mill-Parlament Ewropew li fi kliemhom huwa rifless fir-realtà nazzjonali tagħna.
Dan l-istudju qal li miżuri pożittivi ma jiddiskriminawx imma jikkumpensaw għall-barrieri eżistenti li jwaqqfu l-mara milli tokkupa kariga politika. Dan joffri l-opportunita wkoll li partiti politiċi jibdew iħarsu lejn il-mara bħala persuna kompetenti u li għanda x’toffri.
L-istudju jgħid ukoll li l-mara hija kwalifikata daqs ir-raġel iżda dan ma jingħatax importanza f’sistema ddominata mill-irġiel.
Qal ukoll li l-esperjenza tal-mara hija bżonnjuża fil-ħajja politika u għalhekk assemblei politiċi għandhom jieħdu vantaġġ mill-kompetenza li teżisti fis-soċjetà.
Għaldaqstant huma tennew li fil-klima politika preżenti u wara dibattitu nfurmat, il-membri parlamentari għandhom jdaħħlu tibdil legali u strutturali li jtaffu jew saħansitra jneħħu l-barrieri li jiskoraġġixxu lill-mara minn parteċipazzjoni u suċċess fil-ħajja politika.