Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi akkuża lil Jean Pierre Debono li bagħbas il-lista tal-membri tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex jieħu s-siġġu parlamentari ta’ David Stellini.
Sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista qalu ma’ ONE NEWS li l-lista ġiet imbagħbsa ftit tal-ħin qabel ma’ l-Partit Nazzjonalista sejjaħ laqgħa tal-Eżekuttiv għas-Sibt sabiex jiddeċiedu dwar is-siġġu ta’ Stellini.
One News għandu f’idejh ritratt tas-sistema tal-Partit Nazzjonalista li turi li Jean Pierre Debono daħħal lil David Stellini u lit-teżorier tal-Partit Nazzjonalista David Camilleri f’din il-lista l-Ħamis fl-10:22 ta’ filgħodu.
Malli għamel din il-manuvra l-Partit Nazzjonalista sejjaħ laqgħa tal-eżekuttiv sabiex il-membri jivvutaw għal Debono jew għall-kandidat Nazzjonalista Kevin Cutajar.
Jean Pierre Debono kiseb 42 vot, żewġ voti aktar minn Kevin Cutajr li kiseb 40 vot.
B’reazzjoni għal din il-lista, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kiteb fuq Facebook li din hija l-prova li l-lista ta’ dawk biex jivvutaw ilbieraħ fl-Ezekuttiv għamilha Jean Pierre Debono.
“Daħqu b’Eżekuttiv. Taw vot lil min ma kellux jedd. Riedu jisirqu siġġu ta’ Kevin Cutajar bi FRODI. Dawn mhux Nazzjonalisti. Għajb. Għandkom il-wiċċ tgħidu li ħadd mhu ikbar mill-Partit? Għandkom il-wicc titkellmu fuq l-establishment? BARRA #dawnmhuxnazzjonalisti “, temm jikeb Azzopardi li lbieraħ Delia stqarr li se jibda jinjorah.