Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qiegħed jaħdem biex joħloq grupp fil-Parlament li jkun distint mill-grupp parlamentari tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Żvelat dan il-gazzetta KullĦadd, fejn qalet li minn tagħrif li kisbet jirriżulta li d-Deputat Għawdxi ħa x-xoqqa f’moxtha b’dak li ġara fl-aħħar sigħat fil-kwistjoni tal-co-option ta’ Jean Pierre Debono biex jagħmel dan il-pass.
Saħansitra kien hu stess li wara l-laqgħa tal-eżekuttiv li saret is-Sibt kiteb li kien jinsab iddiżgustat u se jikkunsidra l-pass li jmiss.
Il-Kulħadd qalet li l-ewwel pass kien li jibda jitkellem ma’ deputati sħabu u jara kif jaħsbuha dwar il-pjan li fil-Parlament jaħdmu bħala grupp għal rashom. Dan ma jfissirx li jirriżenjaw jew jitilqu mill-Partit Nazzjonalista. Iżda fil-Parlament jaħdmu bħala grupp li jkun immexxi minn bniedem li kkontesta lil Adrian Delia għal Kap Nazzjonalista. F’dan il-pjan għandu l-appoġġ tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-Eks Viċi Kap Beppe Fenech Adami.
Il-kullħadd saħqet li f’dan l-istadju għadu mhux magħruf kemm irid deputati Chris Said biex iħabbar b’mod uffiċjali dak li għandu f’moħħu, madanakollu l-kwistjoni mistennija tkompli tiżviluppa fis-sigħat li ġejjin.
Intant fl-isfond tal-inkwiet u l-qasma li ħakmet lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem, id-Deputat Claudette Buttigieg tellgħet ritratt fuq Facebook tal-eks President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, fejn ikkwotat il-kliem li dan qal ftit ħin wara li rriżenja mill-kariga.
“Irridu nieqfu ndaħħlu rasna fir-ramel u nieqfu nippruvaw ngħaddu n-nies biż-żmien”
Dak li bdiet ixxerred Buttigieg qed jiġi deskritt sfida u pressjoni lejn it-tmexxija ta’ Delia hekk kif diġa qed tagħti indikazzjoni li hi se tkun fost dawk li se jingħaqdu mal-grupp ta’ Chris Said.