“M’għandix kliem biex nirringrazzja lil Għawdex u lill-Għawdxin ta’ dak li għamiltu magħna”- Il-PM Muscat fin-Nadur – One News

Notifiki

“M’għandix kliem biex nirringrazzja lil Għawdex u lill-Għawdxin ta’ dak li għamiltu magħna”- Il-PM Muscat fin-Nadur

Friska minn numru ta’ rebħiet storiċi fl-elezzjonijiet lokali, il-gżira Għawdxija laqgħet lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lis-Sinjura tiegħu fin-Nadur. Il-Prim Minsitru nnota li m’hemmx kliem xierqa biżżejjed biex jirringrazzja lil Għawdex u lill-Għawdxin ta’ dak li għamlu mal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjonijiet.

Għawdex mhux biss eleġġa l-ewwel Ewroparlamentari tiegħu fl-istorja, iżda kien pijunier fl-akbar rebħa storika li qatt esperjenza partit fiż-żewġ gżejjer. Il-Prim Ministru spjega li bir-riżultati miksuba fl-aħħar elezzjonijiet, 70% tal-Kunsilli Lokali kollha issa jinsabu b’maġġoranza Laburista.

Tkellem ukoll dwar il-valur simboliku ta’ dawn l-elezzjonijiet, fejn għall-ewwel darba l-Partit Laburista kiseb il-maġġoranza fil-Belt Valletta u fis-Siġġiewi. Dan filwaqt li saħħaħ iż-żamma tiegħu fuq Kunsilli tradizzjonalment imħallta bħal dawk ta’ San Pawl il-Baħar u tal-Mosta. Innota wkoll li għal darb’oħra, kien ikkonfermat li l-Partit Laburista żamm il-maġġoranza wkoll f’Birkirkara, wieħed mill-akbar Kunsilli Lokali f’Malta.

Hawnhekk qal li huwa kuntent ferm bis-suċċess li għamlu ż-żgħażagħ ta’ dan il-moviment li kkontestaw l-elezzjonijiet lokali, fejn 98 żagħżugħ u żagħżugħa ġew eletti. Dan ifisser li dak li l-Partit qed jiżra’ llum, il-pajjiż se jaħsad fil-futur.

Il-Prim Ministru esprima wkoll sodisfazzjon kbir għall-irwol tan-nisa f’dawn l-elezzjonijiet. B’kollox 73 mara ġew eletti bħala Kunsilliera f’isem il-Partit Laburista. Iżda, il-Prim Ministru xorta nnota li dan mhux biżżejjed. Dan għandu jkompli jħeġġiġna nippromwovu l-għan ta’ dan il-moviment li nofs il-persuni fit-tmexxija jkunu nisa. Hawnhekk qal ukoll li 83% tan-nisa li attendew għall-programm LEAD daħlu fid-dinja politika u ġew eletti.

Dan kollu jitfa’ responsabbiltà kbira fuq il-partit, issa li 70% tal-Kunsilli Lokali qed jitmexxew minn maġġoranza Laburista, l-akbar numru fl-istorja. Il-Prim Ministru qal li dawk eletti jridu jwettqu dak li wiegħdu, biex nassiguraw li dak li nkiseb minn dan il-Partit jinżamm u jkompli jiżdied.

Dr Muscat ħabbar ukoll li l-Partit Laburista se jwaqqaf struttura interna biex flimkien mal-Kunsilli Lokali tikkordina x-xogħlijiet kollha li hemm bżonn li jsiru madwar il-pajjiż. B’hekk il-Partit se jkun qed jestendi l-fama tal-Gvern, li jwettaq dak li jwiegħed, lill-Kunsilli Lokali wkoll.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-fatt li f’dawn l-elezzjonijiet il-Partit Laburista kiseb ir-raba’ siġġu fi Brussell, li mtela’ mill-MEP Għawdxija Josianne Cutajar, l-ewwel MEP Għawdxija fl-istorja. Iżda qal li dawn l-erba’ siġġiijiet huma ta’ Malta u Għawdex kollha, u se jkunu rrappreżentati bl-aqwa mod.

Joseph Muscat temm jgħid li din l-akbar maġġoranza fl-istorja tal-pajjiż hija wkoll l-akbar responsabbiltà tal-pajjiż. Responsabbiltà li l-Partit Laburista lest li jġorr biex verament juri li kemm Malta u kemm f’Għawdex huma f’qalbu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend